Padre Pio

Itlob, ittama, u tinkwetax. L-inkwiet huwa inutli. Alla ħanin u jisma’ t-talba
tiegħek. Kemm il-darba ftakart u ħaddant f’qalbi dawn il-kliem sbieħ ta’ San Piju ta’ Pietrelcina f’sitwazzjonijiet diffiċli ta’ ħajti! Irrid nistqarr devozzjoni Franġiskana u għalhekk lejn l-Ordni Franġiskan Sekulari.
Il-Ġimgħa li għaddiet, 23 ta’ Settembru, il-Knisja ċċelebrat l-festa ta’ San Piju ta’ Pietrelcina. San Pio, jew kif inhu magħruf Padre Pio, għandu ħafna tagħlim li jista’ jkun ta’ benefiċċju kbir kemm spiritwalment kif ukoll umanament.

L-ispiritwalità, id-devozzjonijiet u l-ħajja tat-talb ta’ Padre Pio huma tipikament Franġiskani. L-imħabba tiegħu lejn l-umanità ta’ Kristu wriet ruħha mhux biss fid-devozzjoni tiegħu lejn Kristu Msallab – li resqitu eqreb lejn it-tbatija tan-nies – imma wkoll fid-devozzjoni tiegħu lejn l-Inkarnazzjoni ta’ Kristu u lejn Ommu, il-Verġni Mqaddsa Marija. Minbarra dan kellu riverenza profonda lejn il-“Priġunier Divin” – Ġesù fis-Santissimu Sagrament.

Għal Padre Pio, it-talb jgħaqqad kemm il-Knisja kif ukoll is-soċjetà kollha. (Fr Mario Attard OFM Cap) Huwa qal:  Is-soċjetà tal-lum ma titlobx. Huwa għalhekk li qed taqa’ f’biċċiet. It-talb biss, speċjalment ir-Rużarju, jista’ jgħinna, bħala soċjetà, infittxu dak li hu veru u ġust. Meta tkellem lid-devoti tiegħu dwar ir-rużarju, qal: Hawn hemm is-sliem, ir-rebħa fuq il-ħażen, is-saħħa biex tegħleb kull ostaklu fit-triq lejn is-sema. Padre Pio dejjem qies lil Ommna Marija bħala l-mudell u l-ispirazzjoni tiegħu.

Fil-ħajja magħġla li ngħixu llum xi kultant bilkemm għandna ħin biex nitkellmu ma’ xulxin bil-kalma, aħseb u ara kemm insibu ħin għat-talb. F’ sitwazzjoni bħal din il-qaddies stigmatizzat jagħtina parir bil-għaqal:  Tkunx hekk mogħtija għall-attività ta’ Marta li tinsew is-skiet ta’ Marija. Jalla l-Verġni li tant sew rrikonċiljat lill-wieħed mal-ieħor tkun il-mudell ħelu u l-ispirazzjoni tiegħek.

Madwar seba’ miljun pellegrin kull sena jmorru San Giovanni Rotondo biex iżuru l-qabar ta’ San Piju. Dan il-patri umli li jitlob, dan ir-reliġjuż ubbidjent, bniedem ta’ tbatija u mogħdrija – dan ix-Xmun ta’ Ċirene ta’ Kulħaddu – għadu ta’ għajnuna għall-erwieħ għatxana għall-perfezzjoni u s-salvazzjoni.

Itolbu, itolbu miegħi lill-Mulej, għax id-dinja kollha għandha bżonn it-talb. U kuljum, meta qalbek tħoss b'mod speċjali s-solitudni tal-ħajja, itolbu, itolbu flimkien lill-Mulej, għax Alla wkoll għandu bżonn it-talb tagħna!
Paci u Sliem,

Mariella Spiteri Gonzi ofs