MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU GĦAR-RANDAN 2016

“Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju” (Mt 9:13)
L-opri tal-ħniena fil-mixja tal-Ġublew

Ir-raghaj1. Marija, ikona ta’ Knisja li tevanġelizza għax hi evanġelizzata
Fil-Bulla tal-Indizzjoni tal-Ġublew għamilt stedina biex “ir-Randan ta’ din is-Sena Ġubilari ngħixuh b’mod iżjed intens bħala mument qawwi biex niċċelebraw u nduqu l-ħniena ta’ Alla” (Misericordiæ vultus, 17). Bis-sejħa għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u għall-inizjattiva “24 siegħa għall-Mulej” ridt nisħaq fuq il-primat tas-smigħ tal-Kelma fi spirtu ta’ talb, speċjalment dik tal-Profeti. Il-ħniena ta’ Alla fil-fatt hi xandira lid-dinja: imma din il-bxara kull Nisrani hu msejjaħ jagħmel esperjenza tagħha hu l-ewwel. Hu għalhekk li fi żmien ir-Randan jien se nibgħat lill-Missjunarji tal-Ħniena biex ikunu għal kulħadd sinjal konkret ta’ kemm Alla hu qrib tagħna u lest jaħfrilna.

Wara li laqgħet il-Bxara t-Tajba mwassla lilha mill-arkanġlu Gabrijel, Marija, fil-Magnificat, tgħanni profetikament il-ħniena li biha Alla għażilha sa minn qabel. Hekk il-Verġni ta’ Nazareth, imwiegħda bħala għarusa lil Ġużeppi, issir l-ikona perfetta tal-Knisja li tevanġelizza għax kienet u hi kontinwament evanġelizzata bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li nissel il-frott tal-ġuf verġinali tagħha. Fil-fatt fit-tradizzjoni profetika, il-ħniena, diġà fuq livell etimoloġiku, għandha x’taqsam ħafna sewwasew mal-ġewwieni ta’ ġuf l-omm (rahamim) u anki ma’ tjieba ġeneruża, fidila u kollha mogħdrija (hesed) li tintwera fi ħdan ir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin u l-ġenituri u l-ulied.

2. It-tjieba ta’ Alla mal-bnedmin: storja ta’ ħniena
Il-misteru tal-ħniena divina jintwera lilna matul l-istorja tal-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu Israel. Fil-fatt, Alla dejjem jidher għani fil-ħniena, lest f’kull ċirkustanza biex isawwab fuq il-poplu tiegħu ħlewwa u kompassjoni li ġejjin mill-ġewwieni tiegħu, fuq kollox fil-mumenti l-iżjed drammatiċi meta l-infedeltà tfarrak ir-rabta tal-Patt, u jkun hemm bżonn li dan il-patt jiġi ratifikat b’mod iżjed stabbli fil-ġustizzja u fil-verità. Hawn qegħdin quddiem drama vera ta’ mħabba, fejn Alla jilgħab ir-rwol ta’ missier u ta’ raġel ittradut, waqt li Israel jilgħab ir-rwol ta’ iben/bint u ta’ mara infidila. Huma sewwasew dawn ix-xbihat familjari – bħal fil-każ ta’ Hosegħa (ara Hos 1-2) – li jesprimu kemm Alla jixtieq jintrabat mal-poplu tiegħu.

Din id-drama ta’ mħabba tilħaq il-quċċata tagħha fl-Iben magħmul bniedem. Fih Alla jsawwab ħnientu bla tarf sa ma jagħmel minnha “Ħniena inkarnata” (ara Misericordiæ vultus, 8). Bħala bniedem, Ġesù ta’ Nazareth fil-fatt hu f’kull sens bin Israel. U huwa hekk sal-punt li fih jitlaħħam dak is-smigħ perfett ta’ Alla li s-Shemà titlob minn kull Lhudi, twemmin li sal-lum għadu l-qalba tal-patt ta’ Alla ma’ Israel: “Isma’, o Israel: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha” (Dewt 6:4-5). L-Iben ta’ Alla hu l-Għarus li jagħmel minn kollox biex jirbaħ l-imħabba tal-Għarusa tiegħu, li magħha hu marbut bl-imħabba tiegħu bla limiti li ssir viżibbli fil-festa tat-tieġ ta’ dejjem tiegħu magħha.

Din hi l-qalb li tħabbat tal-kerygma appostolika, li fiha l-ħniena divina għandha post ċentrali u fundamentali. Dan hu “l-ġmiel tal-imħabba feddejja ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 36), dik l-ewwel tħabbira li “dejjem għandna nerġgħu lura għaliha biex nisimgħuha fid-diversi xejriet tagħha u li dejjem għandna nduru lejha biex inħabbruha fil-katekeżi” (ibid., 164). Allura l-Ħniena “tesprimi l-imġiba ta’ Alla mal-midneb, meta joffrilu possibbiltà oħra biex jerġa’ lura minn triqtu l-ħażina, jindem u jemmen” (Misericordiæ vultus, 21), u hekk terġa’ twaqqaf ir-relazzjoni tiegħu Miegħu. U f’Ġesù mislub Alla sa jrid jilħaq il-midneb fl-aktar post imbiegħed tiegħu, sewwasew hemm fejn hu ntilef u tbiegħed Minnu. U dan jagħmlu bit-tama li sa fl-aħħar jista’ jrattab il-qalb imwebbsa ta’ Għarustu.

3. L-opri tal-ħniena
Il-ħniena ta’ Alla tibdel il-qalb tal-bniedem u ddewqu mħabba fidila li hekk tagħmel lilu wkoll kapaċi jħenn. Hu miraklu dejjem ġdid li l-ħniena divina tista’ ddawwal bih il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, tqanqalna għall-imħabba tal-proxxmu, u tagħti l-ħajja lil dawk li t-tradizzjonijiet tal-Knisja ssejjaħ l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali. Huma jfakkruna li l-fidi tagħna tissarraf f’atti konkreti u ta’ kuljum, biex ngħinu lill-proxxmu tagħna fil-ġisem u fir-ruħ, u li fuqhom għad isir ħaqq minna: nitimgħuh, inżuruh, infarrġuh, nedukawh. Għalhekk jien xtaqt “li l-poplu Nisrani matul il-Ġublew jirrifletti fuq l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali. Dan ikun mod kif nerġgħu nqajmu l-kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it-traġedja tal-faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil-qalba tal-Vanġelu, fejn il-foqra huma l-ipprivileġġjati tal-ħniena divina” (ibid., 15). Fil-fatt, fil-fqir, il-ġisem ta’ Kristu “isir mill-ġdid viżibbli bħala ġisem ittorturat, miġruħ, imsawwat, mitluq mejjet bil-ġuħ, maħrub… biex aħna nagħrfuh, immissuh u ngħinuh b’għożża kbira (ibid.). Misteru straordinarju u skandaluż li baqa’ jtul fl-istorja hu dan tat-tbatija tal-Ħaruf Innoċenti, siġra tal-għolliq taqbad bl-imħabba mogħtija b’xejn, li quddiemha bħal Mosè nistgħu biss ninżgħu l-qorq (ara Eż 3:5); iktar u iktar meta l-fqir hu ħuna jew oħtna fi Kristu li qed ibatu minħabba l-fidi tagħhom.

Quddiem din l-imħabba qawwija bħall-mewt (ara Għanja 8:6), l-ifqar miżerabbli hu dak li ma jaċċettax li hu hekk. Jaħseb li hu għani, imma fir-realtà hu l-ifqar fost il-fqar. Huwa hekk għax hu lsir tad-dnub, li jwasslu biex jinqeda bl-għana u l-poter mhux biex jaqdi lil Alla u lill-oħrajn, imma biex jifga fih l-għarfien qawwi li anki hu mhu xejn għajr tallab imsejken u fqajjar. U ikbar ma huma l-poter u l-għana li għandu, ikbar jista’ jkun dan l-għama qarrieq tiegħu. Hu jasal f’punt li lanqas irid jara jittallab fuq l-għatba tal-bieb ta’ daru lill-fqajjar Lazzru (ara Lq 16:20-21), li hu figura ta’ Kristu li fil-foqra jittallab il-konverżjoni tagħna. Lazzru hu l-possibbiltà ta’ konverżjoni li Alla qed joffrilna u forsi aħna m’aħniex naraw. U ma’ dan l-għama tissieħeb ukoll l-illużjoni supperva ta’ omnipontenza, fejn għadha tidwi l-frażi qarrieqa tax-Xitan, “issiru bħal Alla” (Ġen 3:5), li hi l-għerq ta’ kull dnub. Din l-illużjoni tista’ tassumi wkoll xejriet soċjali u politiċi, kif urew it-tolitarjaniżmi tas-seklu għoxrin, u kif juruna llum l-ideoloġiji tal-ħsieb uniku u tax-xjenza teknoloġika, li jippretendu li jpinġu lil Alla irrilevanti u li jirriduċu lill-bniedem għal materja li tista’ tiġi strumentalizzata. U fi żmienna dan jistgħu juruh ukoll l-istrutturi tad-dnub marbuta ma’ mudell ta’ żvilupp falz imsejjes fuq l-idolatrija tal-flus, li lill-persuni u s-soċjetajiet l-aktar għonja ġġibhom indifferenti għad-destin tal-foqra, hekk li jagħlqulhom il-bibien tagħhom u saħansitra jirrifjutaw li jħarsu lejhom.

Għalhekk ir-Randan ta’ din is-Sena Ġubilari hu għal kulħadd iż-żmien it-tajjeb biex sa fl-aħħar nistgħu ninqalgħu mill-aljenazzjoni eżistenzjali tagħna, grazzi għas-smigħ tal-Kelma u għall-opri tal-ħniena. Jekk permezz ta’ dawk korporali mmissu l-ġisem ta’ Kristu fl-aħwa fil-bżonn ta’ min jitmagħhom, ilibbishom, jagħtihom saqaf fuq rashom, iżurhom, dawk spiritwali – nagħtu parir, ngħallmu, naħfru, inwissu, nitolbu – imissu iżjed direttament il-fatt li aħna midinbin. Allura l-opri korporali u dawk spiritwali ma għandhom qatt jinfirdu minn xulxin. Fil-fatt, huwa sewwasew meta fil-fqajjar imiss il-ġisem ta’ Kristu mislub li l-midneb jista’ jirċievi b’don l-għarfien li hu stess huwa tallab fqajjar. Permezz ta’ din it-triq anki l-“imkabbra f’qalbhom”, is-“setgħana” u l-“għonja” li fuqhom jitkellem il-Magnificat għandhom il-possibbiltà li jintebħu li bla ebda merti tagħhom l-Imsallab ħabbhom, miet u qam għalihom ukoll. F’din l-imħabba biss hemm it-tweġiba għal dak l-għatx għall-hena u l-imħabba bla tmiem li l-bniedem jitqarraq meta jaħseb li jista’ jaqta’ permezz tal-idoli tal-għerf, tal-poter u tal-ġid. Imma jibqa’ dejjem il-periklu li, jekk jagħlqu iżjed qalbhom għal Kristu, li fil-fqir jibqa’ jħabbat fuq il-bieb tal-qalb tagħhom, is-suppervi, l-għonja u l-qawwija jispiċċaw biex jikkundannaw lilhom infushom għall-għarqa f’dak l-abbiss etern ta’ solitudni li hu l-Infern. Hawn mela jidwi mill-ġdid għalihom, kif ukoll għalina lkoll, il-kliem tassew f’loku ta’ Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti: jisimgħu lilhom” (Lq 16:29). Dan is-smigħ attent iħejjina bl-aħjar mod biex niċċelebraw ir-rebħa defenittiva fuq id-dnub u fuq il-mewt tal-Għarus, issa rxoxt, li jixtieq isaffi lill-Għarusa mwiegħda tiegħu, hi u tistenna l-miġja tiegħu.

Ejjew ma naħlux dan iż-żmien tar-Randan hekk tajjeb għall-konverżjoni! Dan nitolbuh għall-interċessjoni materna tal-Verġni Marija, li kienet l-ewwel waħda li, quddiem il-kobor tal-ħniena divina lilha mogħtija b’xejn, għarfet iċ-ċokon tagħha (ara Lq 1:48) u li hi l-qaddejja umli tal-Mulej (ara Lq 1:38).

Mill-Vatikan, 4 ta’ Ottubru 2015
Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi

Franġisku

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard