MARIJA, OMM ALLA.
Ix-xbiha ta’ Marija, bħala l-Omm Reġina, hija direttament marbutha mal-ewwel Domma tal-Knisja: ‘Marija hija Omm Alla’. Bil-Grieg tissejjah ‘Theo tokos’, li tfisser ‘Dik li ġarret lil Alla’. Dan huwa l-aktar titolu antik mogħti ‘l Marija, u l-aktar użat. Din id-devozzjoni ilha ġejja mill-ewwel sekli tal-Knisja. Dan it-titlu jinsab fit-talba tas-seklu 3, ‘Sub Tuum Presidium’ (Taħt il-ħarsien tiegħek). L-ewwel Insara ‘l Marija kienu jsejjħulha ‘Omm Alla’ b’mod awtomatiku, b’mod naturali.
Għalihom kienet ħaġa loġika. Jekk Kristu kien Alla, u Marija kienet ommu, allura Marija kienet omm Alla. Huma kienu jemmnu li ż-żewġ naturi ta’ Kristu, in-natura Divina u n-natura umana, kienu magħqudin flimkien, kienu ħaġa waħda fiH. Kristu kien Persuna Divina.
Iżda mbagħad, fis-seklu 5, kien hemm min oġġezzjona għal dan it-titlu, kif jagħmlu llum, uħud, li mhux Kattoliċi. Iġibu l-argument li allura Marija oriġinat lil Alla, kienet qabel Alla. Kienu jaċċettaw li hija ‘Omm Kristu,’ iżda mhux ‘Omm Alla’. Kienu jgħidu li Marija welldet biss tarbija umana u mhux divina. Il-Knisja, fi żmien il-Papa Ċelestinu, u San Ċirillu ta’ Lixandra, ma qablux magħhom. S.Ċirillu qallhom tajjeb li Marija welldet persuna u mhux natura, għalhekk welldet lil Kristu, li kien ‘Divin u Uman’. Kellu jasal il-Konċilju ta’ Efesu, fis-sena 431 AD.
Il-Konċilju ddikjara li Kristu kien persuna waħda b’żewġ naturi: in-natura umana, ta’ Ommu Marija, u n-natura Divina ta’ Missieru Alla. Dan kollu jwaqqa’ dak kollu li kien jgħid l-eretiku Nestorju. U dan kollu nistqarruh fil-Kredu tal-Appostli.
Tony Mahoney ofs
0 Comments