14956476_10154686831509518_6327510623369770574_n

“L-ERWIEH JIFIRXU S-SARVETTA”
Hekk kienu jgħidu meta jasal it-2 ra’ Novembru, jiġifieri jum l-erwieħ kollha. Dan ghax kienu jemmnu li f’dan il-jum meta niftakru fil-mejtin, l-erwieħ ta’ qrabatna jkunu qed jistennew il-ħniena u s-sufraġju tal-ħajjin, għalhekk kienu jifirxu is-sarvetta għall-għotjiet tal-ħajjin. F’dan il-jum il-Maltin kienu jkunu ġenerużi mal-foqra.

L-IKLA TAT-2 TA’ NOVEMBRU (GHID TA’ L-ERWIEH)

Xarba ta’ qabel l-ikla –
Il-Maħluta
(taħlita ta’ xarba alkoħolika bil-meraq tal-frott. Din kienet tkun maghmula minn frott helu u xi frott qares biex tfisser it-tajjeb u l-hazin ta’din il-hajja)

Antipast –
Il-ftiet tal-għaża
(ħobż mixwi u midluk bit-tewm u t-tursin – Dan kien jittiekel fi zmien il-luttu li jissejjah ukoll ‘ghaza’)

L-ewwl platt –
Il-Minestra tal-Erwieħ
(Din x’aktarx hi l-kawlata – dari l-patrijiet kienu johorgu jigbru l-haxix mid-djar u dak li jingabar isir minestra f’borma kibira fuq il-hatab u titqassam b’karita lill-foqra b’suffragju ghall-erwieh)

It-tieni platt –
Il-Majjal il-forn
(Imqatta’ waqt l-ikla, servut mal-patata u ħaxix frisk – dari il-kappillani kienu jitilqu qazquza tiggerra mar-rahal. In-nies kinu jiehdu hsieb jitimghuha biex tismen sat-2 ta’ Novembru u dak in-nhar tinqatel ghall-ikla tal-erwieh. Bil-flus tal-gabra kien isir Quddies ghall-erwieh abbandunati)

Kollox servut bl-inbid, ilma u xorb ieħor skont il-gosti ta’ dak li jkun.

Dezerta –
Ghadam tal-mejtin tal-helu
Fl-aħħar jingħata l-kafè flimkien ma’ xi ħelu tradizzjonali magħruf bħala “l-għadam tal-mejtin”, bl-istess ricetta ta-figolli tal-Ghid. Dan il-helu forma ta’ ghadam juri r-rabta tal-mewt tan-nisrani mal-mewt ta’ Kristu.

Tingħata ukoll “is-sarvetta bil-ħelu” lit-tfal.
Din kienet ukoll drawwa sabiħa indirizzata għat-tfal fit-2 ta’ Novembru. Lit-tfal kienu jdarruhom biex iġibu ruħhom sewwa u juru r-rispett f’dan il-jum ta’ skiet u devozzjoni lejn it-tifkira tal-mejtin. U talli jkunu bravi u forsi qalu xi talba ukoll għall-bżonnijiet tal-erwieħ fil-purgatorju, kienu jagħtuhom sarvetta mimlija bil-ħelu.