L-erba’ stadji tat-talb fil-Kitba ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù

Introduzzjoni

st-thereseL-imħabba kbira li Alla għandu għall-bniedem u li wieħed jagħmel esperjenza tagħha meta jkollu relazzjoni tajba miegħU kienet is-sisien li fuqhom bniet it-tagħlim tagħha Santa Tereża

ta’ Avila (1515-1582). Din kienet il-ħajja tal-Qaddisa nnifisha. Intelqet f’idejn Alla u ħallietu jmexxiha sakemm laħqet il-perfezzjoni u rat lil Alla wiċċ imb’wiċċ, f’għaqda waħda miegħU bis-saħħa taż-żwieġ mistiku li fih l-umanità ingħaqdet mad-Divinità.

Santa Tereża kitbet il-‘Ktieb tal-Ħajja’ wara l-parir li tawha s-superjuri tagħha biex tfiehem sew dak kollu li kienet għaddejja minnu spiritwalment. (1) Il-ktieb huwa miktub b’mod mexxej u li jinftiehem bħal li kieku l-awtriċi qed titkellem mad-diretur spiritwali tagħha, id-Dumnikan Garcia de Toledo, wiċċ imb’wiċċ. Hija saħqet li dan il-ktieb għandu jkun il-bażi tal-kotba l-oħra kollha li kitbet wara.

Ta’ min isemmi li l-ewwel redazzjoni tal-Ktieb inżamm maqful mill-Inkwiżizzjoni u għalhekk reġgħet intalbet biex terġa tiktbu. F’din it-tieni redazzjoni hija għamlet xi żidiet li ma kienux fl-ewwel waħda, fosthom it-tifsira tal-erba’ stadji tat-talb li ser niddiskuti aktar ‘l quddiem.

Ħajja ta’ talb

Kif tgħid Santa Tereża stess, fil-bidu tal-ħajja spiritwali tagħha kienet taqra l-ħajjiet tal-qaddisin u kotba oħra reliġjużi. Hija marret soru fil-Kunvent tal-Inkarnazzjoni fl-1535 imma

l-ħajja tat-talb tagħha bdiet tnin bil-mod il-mod. F’Kapitlu 4, paragrafu 7 tal-Ktieb tal-Ħajja insibu li Santa Tereża reġgħet tħeġġet għall-ħajja tat-talb bil-qari tal-ktieb ta’ Franġisku de

Osuna li jittratta l-orazzjoni tal-ġabra, ‘It-Tielet Alfabet’ li taha zijuha Don Pedro, “…imma ma kontx naf kif nitħarreġ fit-talb jew kif ninġabar, u għalhekk fraħt ħafna b’dan il-ktieb u

daħħaltha f’rasi li nimxi b’ħilti kollha mit-triq tat-talb li kien jgħallem.” Il-ktieb ta’ zijuha serva bħala gwida tat-talb. Dan ġara fis-sena 1538. Wara dan, hija qrat ir-trattat ta’

Bernardino de Laredo bl-isem ta’ “It-Telgħa tal-Muntanja Sijon”, fejn iddeskriva t-talb bħala unjoni sħiħa ma’ Alla, unjoni li Santa Tereża stess waslet għaliha “ wara kważi għoxrin sena sħaħ” (2) ta’ talb.

Għal din il-Mistika, l-iskop ewlieni tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna huwa li nkunu f’għaqda sħiħa ma’Alla permezz tat-talb. F’Kapitlu 13, hija tisħaq ħafna fuq il-fatt li wieħed għandu jkollu direttur spiritwali li għandu “ikun bniedem tal-esperjenza” għax jekk le, ma jifhimx il-ħwejjeġ tal-ispirtu u jħawwad il-penitent tiegħu f’ruħu u ġismu. (3) Irid “ikun bniedem prudenti … jkollu esperjenza … ikun bniedem għaref ukoll” (4) Dawn it-tliet kwalitajiet huma bżonnjużi biex ikun jista jmexxi r-ruħ fit-triq tas-sewwa u jifhem dak kollu li tkun għaddeja minnu “Irrid infisser ruħi aktar fit-tul għax dawn il-ħwejjeġ dwar l-orazzjoni huma tqal ħafna, u min ma jsibx direttur spiritwali tajjeb isibha bi tqila wisq biex jifhimhom.” (5)

(1) Teresa ta’ Avila, Ktieb il-Ħajja, trad. Anġeliku M. Busuttil (Malta: Pubblikazzjoni Karmelitana Tereżjana,

1990), 1:7.

(2) Tereża ta’ Avila, Ktieb il-Ħajja, 161.

(3) Ibid., 88 para 14

(4) Ibid., 89 para 16

(5) Ibid., 87 para 12

Santa Tereża kienet taf li l-erwieħ ma jaslux kollha bl-istess mod sal-perfezzjoni, imma li Alla jmexxi dawn l-erwieħ minn toroq diversi. Hija tikteb li “hemm ħafna erwieħ li jieħdu

ġid akbar minn meditazzjonijiet oħra milli minn dik dwar il-Passjoni, għax l-istess bħalma hemm ħafna agħmajjar fis-sema hekk ukoll hemm ħafna toroq li jwasslu għalihom.” (6)

Fl-istess ħin hija kienet taf li biex wieħed jasal għall-veru talb, irid ikollu struttura. Il-vjaġġ lejn il-perfezzjoni spiritwali hija passaġġ ta’ progress li jibda mill-aktar grad baxx u jibqa’ tiela sal-ogħla wieħed fit-talb, mill-axxetika għat-talb mistiku.

Użu ta’ simboli

Fil-kitbiet tagħha Santa Tereża tagħmel użu ta’ ħafna metafori u simboli biex tfisser u tispjega sew dak li tkun trid tgħid, fosthom dawk tal-vjaġġ, żwieġ mistiku u egħrusija, l-għamajjar fil-kastell u l-farfett. Iżda l-aktar simbolu użat mill-qaddisa huwa dak tal-ilma, (7) li bih hija turina l-iżvilupp spiritwali li seħħ ġewwa fiha stess. Id-Dumnikan, Jordan Auman, kiteb li jista’ jkun possibbli ħafna li Santa Tereża m’għadietx minn dawn l-erba’ stadji sħaħ minħabba li setgħet għaddiet mit-talb vokali għal grad għoli ta’ talb mistiku. (8)

Is-simbolu tal-erba’ (9) ilmijiet

Fil-Ktieb tal-Ħajja, minn Kapiltlu 11 sa kapitlu 22, il-mistika Spanjola minn Kastilja u l-ewwel mara dikjarata bħala Duttur tal-Knisja, tirrakkonta l-ħajja interjuri tagħha u titkellem

mill-importanza kbira tat-talb billi tikteb tratat żgħir fuq l-erba’ stadji differenti tat-talb fil-ħajja ta’ kuljum, biex fl-aħħar ir-ruħ tingħaqad b’mod divin u mistiku ma’ Alla l-Missier.

Din l-ispjgazzjoni hija l-bażi ta’ dak li ssemmi fil-kapitli ta’ wara tal-istess Ktieb, u fil-Ktieb tas-Seba’ Mansjonijiet, fejn il-ħajja tat-talb ġiet spjegata b’mod aktar dettaljat.

Fid-deskrizzjoni tagħha, Santa Tereża tuża s-simbolu tal-ilma biex tispjega kif wieħed jasal għall-ħajja sopranaturali u għall-esperjenza mistika. Hija tibda biex tfisser li l-ewwel ma

jintuża huwa it-talb vokali, li jibqa’ jidħol aktar fil-profond sakemm ir-ruħ tasal għall-ogħla grad – iż-żwieġ mistiku. L-ilma li għandha f’moħħa il-qaddisa huwa id-don tad-dmugħ. Hija

stess tikteb “Hawn qiegħda nsejjaħ ilma dak id-dmugħ jew, jekk ma jkunx hemm dmugħ, dik il-ħlewwa u sentiment intern ta’ devozzjoni.” (10)

F’Kapitlu 11 paragrafu 7 hija ssemmi pass pass id-diversi modi li bihom jista’ jissaqqa l-ġnien. Hija tgħid li l-ġnien, li huwa s-simbolu tar-ruħ fit-talb, jista’ jissaqqa b’erba’ modi differenti, mod ftit itqal minn ta’ qablu bħala mixja gradwali fit-talb, b’telgħa axxetika lejn Alla, li fit-tlugħ tagħha jiddominaw il-perseveranza u l-paċenzja biex fl-aħħar ikun hemm it-trasformazzjoni sħiħa. It-tisqija tal-bidu hija kemmxejn impenjattiva billi wieħed irid joqgħod itella’ l-ilma mill-bir barmil barmil, sakemm, pass wara l-ieħor, fl-aħħar il-ġnien jissaqqa bl-ilma qawwija tax-xita u bin-nida li tinżel matul il-lejl. Dan ifisser li r-ruħ tintelaq fl-imħabba u l-ħniena infinita ta’ Alla.

(6) Ibid., 87-8, para13.

(7) Charlò Camilleri, St Teresa of Jesus. Noti moghtija waqt il-lectures.

(8) Jordan Aumann, St Teresa’s Teaching on the Grades of Prayer, accessed on May 21, 2013,

http://miriam.stanford.edu/mytmp/Mass/www.domcentral.org/study/aumann/teresasgr.htm

(9) Fil-Medju Evu in-numru erbgħa kien meqjus bħala wieħed min-numri tal-perfezzjoni.

(10) Tereża ta’ Avila, Ktieb il-Ħajja, 75 para 9.

Skond Santa Tereża, jekk il-ġnien ma jiġix ikkurat sew, jistgħu jinbtu fih żrieraħ ħżiena – hekk ukoll, jekk wieħed ma jieħux ħsieb ruħu, jistgħu jinżergħu fih xewqat ħżiena u dnubiet oħra li jifirduh minn Alla. Imma bis-saħħa tat-talb u tal-ilma tal-grazzja dawn l-imperfezzjonijiet jitbegħdu u jmutu, “il-ward jerġa jibda jikber” u r-ruħ tkun waħda għammiela, li tagħmel hafna frott u “il-fjuri, il-qrofol u ward ieħor jibdew jagħtu l-fwieħa tagħhom.” Dan kollu jinsab f’Kapitlu 14 paragrafu 9 fejn Santa Tereża tispjega kif meta hija kienet għadha kif bdiet titħarre fl-orazzjoni u t-talb, hija bdiet tqabbel ruħha “ma’ ġnien li fih il-Mulej joqgħod jippassiġga”. Santa Tereża tgħid “Dak li jibda l-mixi tiegħu fit-triq tal-perfezzjoni għandu jqis ruħu bħal wieħed li ser jibdel biċċa art ħawlija u mimlija ħaxix ħażin fi ġnien li fih il-Mulej isib il-għaxqa tiegħu.” (11) Kien fiż-żmien meta Santa Tereża kienet marida ħafna li bdiet tirrikorri għat-talb mentali li wassalha biex ikollha esperjenza tat-talb mistiku u divin. (12) Għaliha dan it-tip ta’ talb “mhux ħaġ’oħra ħlief rapport ta’ ħbieb, taħdita ta’ sikwit u waħedna qalb ma’ qalb ma’ Dak li nafu żgur li jħobbna.” (13) Hija tagħmel emfasi kbira fuq dan it-tip ta’ talb fejn ir-ruħ tkun waħedha ma’ Alla.

Ix-xogħol tal-ġardinar jiżdied gradwalment l-aktar meta l-ġnien ikun mimli frott u fjuri għax ikollu bżonn ta’ aktar ilma u biex jissaqqa. Alla, li għal Santa Tereża huwa l-ġardinar, jaħdem ħafna fil-bniedem meta dan ikun wasal fl-aħħar gradi tal-ħajja spiritwali tiegħu u jkun qed joqrob lejn l-għaqda Divina.

L-istadji tal-Ilma

L-ewwel ilma li huwa spjegat fid-detall fil-Kapitli 11 sat-13, jiġifieri l-ewwel mod ta’ tisqija, huwa dak tat-talb vokali, ħafna drabi repettittiv bħalma “aħna ntellgħu l-ilma mill-bir, mod li

jitlob minna ħafna xogħol.” 14 Dan l-istadju huwa l-bidu tal-ħajja tat-talb fejn wieħed jibda jitgħallem jitlob. Minn mindu kienet għadha tifla, Santa Tereża kienet tfittex li toqgħod miġbura waħidha biex “ngħid il-ħafna talb tiegħi, l-aktar ir-Rużarju li ommi kienet devota ħafna tiegħu u rat li aħna wkoll inkunu nħobbuh.” (15) Dan l-ewwel ilma huwa referenza għal min għadu jibda l-ħajja tat-talb, meta l-ewwel ma’ jibda huwa bit-talb vokali, talb li biex wieħed jidħol fih u jkun ikkonċentrat fuq dak li qed jgħid u jirrepeti, irid ħafna sforż.

Għal Santa Tereża dan it-talb huwa ħafna drabi tali li ma jħallix frott. Kultant il-bir ikun vojt u jkun irid jintela bl-ilma mill-ġdid biex il-ġnien jerga jissaqqa. B’dan l-istess mod tal-mili tal-bir, ir-ruħ tkun miexja “bil-mod il-mod” 16 lejn Alla f’dan l-istadju. Barra minn hekk, ir-ruħ ittella’ l-ilma meħtieġ billi taħseb u timmedita fuq ħajjitha u fuq l-Umanità ta’ Kristu.

Dan huwa sforz kbira meta hija tirrakkomanda li dan għandu jsir għal sagħtejn sħaħ kuljum. (17)

Santa Tereża tgħid li l-meditazzjoni diskursiva hija “ta’ mertu kbir” imma l-erwieħ m’għandhomx “jegħjew fil-moħħ … u ma joqogħdux jaraw xi kliem sabiħ jużaw …” (18) Dan l-ewwel mod ta’ talb huwa axxetiku, il-bidu tat-telgħa tal-muntajna, filwaqt li mit-tieni stadju ‘l quddiem il-gradi huma mistiċi. (19)

(11) Ibid., para 6.

(12) St Tereza of Avila (1515-1582), accessed on May 15, 2013

http://www.themystica.com/mystica/articles/t/teresa_of_avila_st.html

(13) Tereża ta’ Avila, Ktieb il-Ħajja, 59, para 5.

(14) Ibid., 73 para 7.

(15) Ibid., 20 para 6.

(16) Ibid., 83 para 2.

(17) Ibid., 59 para 6.

(18) Ibid., 87 para 11

Wara li Santa Tereża titkellem fuq il-meditazzjoni fil-Kapitli 14 u 15 tal-Ktieb tal-Ħajja tispjega t-tieni ilma għat-tisqija billi l-ġardinar jagħmel użu minn “sienja u swieqi tal-ilma, hekk li bid-dawrien ta’ rota kbira … ikollna aktar ilma b’inqas xogħol”. Ta’ min isemmi, li fl-isfond ta’ dan is-simbolu, il-kittieba kellha esperjenza ta’ tisqija ta’ ġnien fid-dar ta’ missierha, kif stqarret hi stess f’Kapitlu 11. 20 F’dan l-istadju, ir-ruh li tkun qed titlob tibda’ tiskopri l-aspett sopranaturali tat-talb għax il-Qaddisa qed tirreferi għat-talb fil-kwiet u l-ġabra. Dan huwa t-tip ta’ talb sempliċi li jsir b’inqas sforż, talb li huwa grazzja minn Alla fejn ir-ruħ tibda titlef l-interess fl-affarijiet ta’ din id-dinja u jibda’ jkollha esperjenz passiva tat-talb. Għal Santa Tereża, issa, il-ġnien huwa aktar fertili meta l-frott u l-fjuri huma aktar abbundanti. Dan għaliex ir-ruħ tmiss il-ħajja divina – “Hawn ir-ruħ tibda tinġabar fiha nnifisha u bħal tmiss dak li hu sopranaturali … Il-fakultajiet tar-ruħ jinġabru fihom infushom biex jitgħaxxqu aktar fil-faraġ li bih ikunu mfawra, mingħajr ma jintilfu jew jorqdu għal kollox.” (21)

It-tielet ilma ta’ Santa Tereża f’Kapitli 16 u 17, jirreferi għall-użu tal-ilma li ġej minn xmara jew nixxiha. F’dan l-istadju ir-ruħ tinsab ferħana fil-presenza t’Alla. Dan il-mod ta’ tisqija, li ma jrid ikun hemm l-ebda sforz għaliha, jagħmel tajjeb ħafna għax il-ħamrija “tixrob aktar ilma bil-mod il-mod mingħajr bżonn ta’ tisqija spissa.” Hawnhekk ir-ruħ ikollha l-esperjenza tar-“raqda tal-fakultjiet” (22) (ir-rieda, il-ftehim u l-memorja) għax it-talb huwa mistiku, iffukat biss fuq Kristu. Ikun hemm abbandun totali f’idejn Alla u serenità liema bħalha. Dan l-istadju tat-talb huwa kważi unità sħiħa, ħlief li r-ruħ hija konxja ta’ x’inhu jiġri – “… dan il-mod ta’ orazzjoni huwa għaqda li tidher tar-ruħ kollha kemm hi ma’ Alla, minbarra li l- Majestà Tiegħu jidher li jogħġbu jħalli l-fakultajiet jifhmu u jithennew b’dak kollu li huwa jkun qieghed jaħdem fir-ruħ.” (23) Għalkemm hawnhekk, fil-Ktieb tal-Ħajja, dan il-mod ta’ irrigazzjoni tar-ruħ huwa meqjus bħala importanti ħafna minn Tereza, fil-Ktieb tal-Għamajjar jew Seba’ Mansjonijiet, li nkiteb wara li kellha ħafna aktar esperjenza spiritwali, hija rat dan il-grad tat-talb bħala estensjoni tat-talb fis-skiet. (24)

Fil-Kapitli 18 sal-21, hemm spjegazzjoni dettaljata tar-raba’ ilma, li huwa dak mogħti bi grazzja minn Alla – l-ilma tax-xita u tan-nida. B’hekk il-ġardinar ma jkollux xogħol x’jagħmel għax il-ġnien jissaqqa b’mod naturali. F’dan l-istadju, it-talb ikun kompletament mistiku u kontemplattiv, “barra mis-sensi”. (25) Is-sensi huma f’abbandun totali f’esperjenza mistika li fiha r-ruħ tħoss biss l-għaqda divina, iż-żwieġ mistiku. It-talb tar-ruħ ikun ġej (infused) minn Alla nnifsu u mhux bi sforz uman. Hawnhekk Santa Tereża tara li t-talb ikun tant laħaq il-perfezzjoni, li r-ruħ tkun fi stat ta’ unità fit-talb. L-istess ruħ tkun kompletament passiva għax tkun qed tirċievi lill-Alla u ma tagħmel ebda sforż għal dan.

F’Kapitlu 20 hemm tifsira tad-differenza bejn unjoni u estasi jew rapiment. “L-unjoni tidher qisha l-istess fil-bidu, fin-nofs u fl-aħħar tagħha: u sseħħ minn ġewwa fir-ruħ biss. L-estasi… huma ta’ grad ogħla u l-effetti tagħhom huma kemm minn ġewwa u kemm minn barra” (26).

(19) “Beginning to Pray”, accessed May 28, 2013, http://beginningtopray.blogspot.com/2009/03/teresa-of-avila.html

(20) Tereza ta’ Avila, Ktieb il-Ħajja, 73 para 7.

(21) Ibid., 92 para 2

(22) Ibid., 105 para 1

(23) Ibid., 110 para 3

(24) “St Teresa of Avila”, accessed on May 8, 2013, http://helpfellowship.org/St_Teresa_of_Avila.htm

(25) Tereza ta’ Avila, Ktieb il-Ħajja, 118 para 10.

(26) Ibid., 128, para 1.

Konklużjoni

F’dan kollu, Santa Tereża riedet tirribatti lil dawk li fi żmienha kienu jgħidu li kulħadd jista’ jasal għall-ħajja mistika bl-isforżi tiegħu (Kap 12 u 22). Santa Tereża turi li l-ħajja tat-talb mhix hemm biex wieħed jitlob pjaċiri għalih innifsu imma l-ħajja tat-talb tfisser li wieħed jiftah lilu nnifsu, jiżvojta minn kollox, biex iħalli lill-Alla jaħdem fih, jimli bl-imħabba u bl-umiltà u jsir kollu kemm hu tiegħU. Bit-talb, wieħed iħalli lill-Alla jmexxih fit-triq tas-sewwa, u jekk wieħed jeħodha bis-serjeta’ twassal għal għaqda mistika jew divina ma Alla nnifsu, l-istess kif għamlet Santa Tereża f’ħajjitha. “Ir-ruħ issir art tajba biex tilqa’ x-xita ta’grazzji li Alla jkun irid ixerred fuqha ħalli jiġbiha lejH u jwassalha biex tħobbu lilu biss fuq kollox u qabel kulħadd, għal dejjem.” (27)

Rita Vella Brincat

___________________________

Biblijografija Selettiva

Auman, Jordan, St. Teresa's Teaching on the Grades of Prayer. Accessed on June 2, 2013,

http://www.catholicculture.org/culture/library/view.cfm?id=7725

Beginning to Pray. Accessed on May 28, 2013,

http://beginningtopray.blogspot.com/2009/03/teresa-of- avila.html

Camilleri Charlo, St Teresa of Jesus. Noti moghtija waqt il-lectures fl-Università ta’ Malta, Marzu 2013.

Helmick, Raymond G., Teresa of Avila. Accessed on June 3, 2013, http://helpfellowship.org/Articles%20of%20Interest/teresa_of_avila_by_raymond_helmick_SJ.htm

P. Marie-Eugène, I want to see God. A Practical Synthesis of Carmelite Spirituality, tradott minn M. Verda Clare, Fides Publishers Association, Illinois, 1953.

Province of the Teresian Carmel of Austria, Europe, “St Tereza of Avila”. Accessed on May 8, 2013, http://helpfellowship.org/St_Tereza_of_Avila.htm

St Tereza of Avila (1515-1582). Accessed on May 15, 2013 http://www.themystica.com/mystica/articles/t/teresa_of_avila_st.html

Teresa ta’ Ġesù, Il-Kitba ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, l-Ewwel Volum, Ktieb tal-Ħajja, tradott għall-Malti minn Angeliku M. Busuttil, Pubblikazzjoni Karmelitana Terezjana, Malta, 1990.