Il-Ħadd li ġej jibda l-Avvent.
L-Avvent huwa differenti mir-Randan. Waqt li r-Randan ifisser iktar penitenzi, l-Avvent ifisser stennija, miġja, preparazzjoni ta’ ferħ u għaqda.
Il-perjodu tal-Avvent huwa l-erba’ ġimgħat ta’ qabel il-lejl tal-Milied. F’dan il-perjodu nistennew, niftakru, niċċelebraw u nġeddu fostna l-migja tal-Mulej Feddej tagħna. Fil-knisja kif ukoll f’ċertu familji jagħmlu girlanda tar-rand b’erba’ xemgħat, tlieta vjola, t-tielet waħda ta’ kulur roża. Il-vjola hu simbolu ta’ ċaħda; ċaħdiet li jwassluna biex nindmu u nerġgħu lura għand il-Mulej waqt li l-kulur roża jissimboliżża l-ferħ.
L-Ewwel Ħadd ta’ l-Avvent; “Noqogħdu Għassa”
Tinxtgħel L-Ewwel Xemgħa
L-ewwel Qari nisimgħu l-Profeta Isaija jitlob lil Alla biex bħala missier, jiġi bil-qawwa tiegħu ħalli jifdi l-poplu tiegħu minn dnubietu.
Fit-Tieni Qari, San Pawl jikteb lill-Korintin u jgħidilhom biex “Jistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesu Kristu”. Din is-silta hija innu ta’ tifħir lil Alla ta’ dak li għamel magħhom.
It-Tieni Ħadd ta’ l-Avvent: “ Nindmu u Nindmu”
Tinxtgħel it-Tieni Xemgħa
Il-profeta Isaija jgħid lill-Poplu tiegħu, ”Ħejju t-triq għall-Mulej” Din hija espressjoni ta’ ferħ għax il-Mulej kien se jeħles lill-poplu tiegħu mill eżilju ta’ Babel u fuq kollox Alla se jaħfirlu dnubietu u jerġa’ jgħaqqdu miegħu.
Fit-Tieni qari San Pietru Appostlu jgħidilna, “Egħżież Ħarsu ‘l quddiem lejn jum il-Mulej u waqt li qegħdin tistennew dan, fittxu li tgħixu fis-sliem u li tkunu bla tebgħa u bla ċanfir quddiemu”.
It-Tielet Ħadd tal-Avvent: “ Il-Fqar Jiksbu l-Ferh ta’ Alla”
Tinxtegħl it-Tielet Xemgħa
Is-Saċerdot ma jilbisx il-vjola iżda r-roża kif ukoll tkun ix-xemgħa.
Il-Profeta Isaija jgħidilna fil-kitba tiegħu; “ L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.”
San Pawl iħeġġiġna biex nifirħu; “Ifirħu dejjem, itolbu bla heda. Iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Dan hu li jrid Alla minn għandkom fi Kristu Ġesu ”. San Ġwann l-Evanġelista jqabbel lil Ġesu’ ma Ġwanni l-Battista u jgħidilna; “Id-Dawl tal-ħajja mhux Ġwanni, Iżda Ġesu’ l-Messija; Hu l-Profeta li għandu jiġi”.
Ir-Raba’ Ħadd ta’ l-Avvent: “Ġesu’ bin David”
Tinxtegħl ir-Raba’ Xemgħa.
Mis-Silta mill-Ktieb ta’ Samwel naraw fiha kif il-Profeta Natan wiegħed lil David li Alla nnifsu kien se jibnilu dar u li s-saltna tiegħu tibqa’ sħiħa għal-dejjem. B’hekk deher li l-Messija kellu jkun Bin David.
Imbagħad Marija qalet; “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek.” Ħallelujaħ Ħallelujaħ:
0 Comments