Peter DarmaninL-arloġġ tan-nanna
minn Peter Darmanin

… Iqabbel it-tikk, tikk tal-arloġġ mat-tikk tikk tal-qalb

Kultant tisma’ b’xi avviż minn fuq xi radju, li għalkemm forsi tidħaq, tajjeb li tagħmel xi riflessjoni fuqu. Tisma’ bħal: “Intilef kelb tal-but kulur iswed, fl-inħawi ta’ Tas-Sliema. Jingħata rigal ta’ għoxrin lira lil min isibu u jirritornah lil sidu.” Jew: “Ħarab ammorin li jġib l-isem ta’ ‘Johnnie’. Min jaqbdu hu mitlub li jieħdu fl-Għassa tal-Ħamrun u jingħata rigal xieraq.”

Int li qiegħed tisma’ dak l-avviz, forsi tidħaq bih, iżda dak li tilef l-oġġett li tant kien għal qalbu, żgur li mhux ser jitbissem qabel ma jsibu. Għaliex? Għax fil-

ħajja kulħadd għandu qalbu marbuta ma’ xi oġġett. Jista’ jkun oġġett ta’ valur kbir, bħal ngħidu aħna arloġġ tal-but kollu deheb, jew ċurkett tad-djamanti. Jista’ jkun ukoll oġġett ta’ valur sentimentali, bħal

ritratt qadim ta’ missierek jew xi ġiżirana mogħtija lilek minn ommok.

Arlogg -NannaJien ukoll għandi oġġett għal qalbi ħafna. Għandu valur sentimentali. Għandi arloġġ sabiħ ferm li kienet tatuli n-nanna tiegħi. In-nanna kienet tħobbni ħafna. Jien kont il-fessud tagħha. Kienet toħodni magħha kull fejn tmur. Tixtrili l-pastizzi tal-pizelli (għax nippreferihom minn tal-irkotta avolja xi kultant ma kontx insib piżella waħda), xi ċikkulata bil-lewża jew xi ftit ħelu għall-iskola.

In-nanna dejjem kienet titkellem tajjeb fuqi. Jekk nonqosha xi ftit, ta’ tifel li kont, dritt kienet taħfirli. U meta kien hemm bżonn ta’ xi tbeżbiża mingħand missieri, kienet tiddefendini qisha xi avukatessa mill-kbar! Dan kollu għax kienet tħobbni.

Jien ħabbejtha wkoll tafux! Mhux għax kienet tixtrili l-pastizzi, il-ħelu u ċ-cikkulata, lanqas għax kienet titkellem tajjeb fuqi, lanqas għax kienet dejjem lesta biex taħfirli u tbenġilli xi waħda mingħand il-ġenituri. Ħabbejtha għax kienet tħobbni. L-imħabba titpatta b’imħabba oħra.

Tikk, Tikk, Tikk ….

Darba waħda xtaqet tagħtini xi ħaġa biex nibqa’ niftakar fiha. “Peter,” kienet qaltli, “wasalt biex immut u nixtieq nagħtik xi ħaġa biex tibqa’ tiftakar fija. Għandi arloġġ il-ġmiel tiegħu. Kienet tagħtuli l-parrina tiegħi u jien nixtieq li nħallieh lilek biex kultant tiftakar fija. Hu dan l-arloġġ. Ibża’ għalih. Ara titilfu jew joħodulek xi ħadd. Tparrtu ma’ xejn u ma’ ħadd. Żommu rikordju tiegħi.”

Dawk il-kliem ma nsejthom qatt. Kultant nistħajjilni qiegħed nisma’ t-testment tan-nanna moqri min-nanna. Kliem sabiħ li ħareġ mill-qalb ta’ mara li kienet taf tħobb. Ma nistax infisser kemm hu għal qalbi. Kemm nibża’ għalih. Qiegħed attent ħafna biex ma mmurx, allaħares qatt, nitilfu jew inkissru aċċidentalment. Ma rrid lil ħadd jilbsu jew jilgħab miegħu. Ma nitilqux fejn ġie ġie, u għalhekk jinsab f’kaxxa, fil-kexxun tal-komodina, maġenb is-sodda tiegħi. Kultant nieħu gost inħares lejh u meta jkun f’idejja, inżommu b’delikatezza kbira. Nieħu gost nagħtih il-ħabel u nisma’ dak il-ħoss ħelu tiegħu – tikk, tikk, tikk, tikk. Nieħu gost inħares lejh għax fih nara l-figura ħelwa, simpatika, tan-nanna.

Mad-daqq tat-tikk, tikk, nibda niftakar kemm ħabbitni. Kemm xtratli affarijiet. Kemm ħadet paċenzja bija. Kemm ħaditni f’postijiet sbieħ. Kemm bisitni u għanqitni. Dan kollu għax kienet tħobbni. Kemm nieħu gost x’ħin niftakar kemm kienet tħobbni. U llum, għalkemm m’għadhiex iżjed magħna, xorta waħda għadni niftakar fiha. Għadni niftakar fiha fit-talb tiegħi. Għadni nsemmiha. Nieħu gost nitkellem fuqha. Ħabbitni ħafna u jien inħobbha wisq. Dak l-arloġġ ifakkarni fiha u għalhekk, bir-raġun kollu, għandu valur kbir sentimentali.

Għandi rigal ieħor, li fil-valur jaqbeż ferm il-valur ta’ l-arloġġ tan-nanna. IŻ-ŻMIEN. Illum tispiċċa s-sena 1995 u, mad-daqq ta’ nofs il-lejl, tibda’ sena ġdida. Iż-żmien hu rigal kbir għax jiswa’ daqs Alla. Bejnu u bejn l-arloġġ tan-nanna ma hemmx paragun.

Alla żejjen lil kull wieħed u waħda minna b’ruħ li hi parti minnu. Ruħ immortali. Waħda biss għandna. Tlift lilha, tlift kollox. Iż-żmien ifakkarni f’Alla l-Ħallieq tiegħi.

Meta l-Kanċillier tal-Ingilterra, fi żmien Enriku VIII, illum San Tumas Moore, intalab ipartat lill-Alla mar-Re, wieġeb: “Jiddispjaċini, Ruħ waħda biss għandi. Kieku kelli tnejn, forsi kont naħsibha mod ieħor.” Dak kien bniedem kbir għax kbar kienu l-konvinzjonijet tiegħu. Għażel li jmut. U miet b’rasu mtajjra. Iżda għalkemm tilef rasu minn fuq għonqu, ruħu baqgħet sħiħa, safja, kollha kemm hi t’Alla. Tumas Moore fehem il-valur ta’ dak ir-rigal kbir li tah Alla. Għex ħajja li fiha fittex dejjem li jibża’ għal dan ir-rigal.

Kull taħbita ta’ qalbi – tikk, tikk, tikk, bħall-arloġġ tan-nanna, tfakkarni f’DAK li ħalaqni u qiegħed iżommni qawwi u sħiħ, kull mument ta’ ħajti. Alla hu l-akbar benefattur tiegħi. Tani ż-żmien biex insib LILU f’kollox.

Kull minuta li nitlef minn ħajti, m’hemmx l-iċken tama li nakkwistaha lura, lanqas wara elf avviż minn fuq ir-radjijiet.

Nawgura lil kulhadd, sena oħra mimlija ġid u barka. Mimlija paċi u mħabba.

… Tikk, tikk, tikk.