L-AĦBAR IT-TAJBA, IT-TĦABBIRA, 1970

Niżżi ħajr ‘l Alla li kemm ili npitter (‘l fuq minn 850 kwadru), persentaġġ kbir minnhom huma kollha spiritwali, b’aspett mistiku. Waħda mill-favoriti tiegħi hija dik imsejjħa, ‘It -Tħabbira (The Annunciation), li pittirt fis-sena 1970, u li hi riprodottha. Għandna dak il-mument solenni ta’ meta l-Arkanġlu Gabrijel qed iħabbar lit-tfalja Marija li kellha  tkun Omm Alla.

Kwadru fin, qiesu tad-djamanti, li jġib l-anġlu maqtugħ mill-art , ‘l fuq minn Marija, li hija wkoll maqtugħha mid-dinja f’estasi tal-misterju u ferħ. L-anġlu qed jagħtiha l-messaġġ, li hi qed tilqa’ bil-ferħ, b’idejha t-tnejn miftuħin.

Bil-kemm jidher, bejniethom, ‘l bogħod jidher wiċċ ikreh ta’ Satana, għax għalih dan kien messaġġ li se jkompli jniżżlu aktar ‘l isfel fid-disperazzjoni. Xejn mhu ċar, għax trid tuża l-immaġinazzjoni.

Marija liebsa kulur roża, kulur mimli mħabba u fuqha mantel trasparenti abjad. Gabrijel huwa mpitter bl-abjad biss, għax m’hemmx rabtiet mad-dinja, eterju, ta’ barra min-dinja.

Gabrijel xi jfisser?

Bl-Ebrajk, Gabrijel ifisser ‘Alla Huwa s-saħħa tiegħi’ jew ‘Alla Huwa r-raġel qawwi tiegħi’. Ifisser ukoll ‘l-eroj t’Alla’. Fit-twemmin tagħna huwa jfisser ‘dak li jwassal aħbar tajba ħafna’. L-oriġini ta’ Gabrijel huwa  ffurmat minn żewġ kelmiet Ebrajki: ‘gever’ li jfisser ‘eroj’, jew ‘bniedem b’saħħtu’; u ‘el’  li jfisser Alla.

Fl-Iskrittura jissemmgħu ukoll l-Arkanġli Mikiel u Rafael. Għalkemm ‘l Gabrijel nsemmgħuh fit-Tħabbira ta’ Marija, iżda huwa msemmi darbtejn oħra fil-Ktieb ta’ Danjel, fir-Rabta l-Qadima, meta nterpreta  l-viżżjonijiet ta’ Danjel dwar il-futur. Ħafna jaħsbu li kien ukoll Gabrijel li ħabbar it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista lil Żakkarija (għalkemm San Luqa ma jsemmieħx b’ismu).

Interessanti li fit-Tradizzjoni Musulmana, jgħidu li Gabrijel ispira ‘l Mawmettu biex jikteb il-Koran. Jekk int Kattoliku jew Musulman, napprezzaw li Gabrijel huwa isem li għandu storja twila warajh, u fl-istess waqt hemm misterju dwaru.

Għaliex għandna nixbħu ‘l Gabrijel?                                        3

Kull wieħed minnha għandu jkun devot tal-Arkanġlu Gabrijel. Kemm hi haġa sabiħa, tajba u ta’ unur, li meta nikkwotaw xi persuna, nikkwotawh fil-ġid. Kemm nixtieq li min isemmini jgħid: ‘Tony dejjem jagħtini xi aħbar tajba’. Fl-istess ħin jagħlaq għajnejh għall-ħafna difetti kbar li għandi.  Nitolbu lil Arkanġlu Gabrijel li nkunu nies, persuni li minn fommna dejjem joħroġ xi aħbar tajba … fl-istess waqt inkunu nixbħu ‘l Kristu.

Tony Mahoney ofs