Minn Charlene Valentina Giordimaina – 26/12/15
L-Arċisqof Charles Scicluna qal li minkejja li ż-żwieġ hu sfida u li għall-bniedem jista’ jidher impossibbli, għal Alla xejn mhu impossibbli.
Waqt l-omelija tal-Quddies mal-familji fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, l-Arċisqof saħaq li ħafna żgħażagħ illum qed jibżgħu miż-żwieġ għax ma jridux ir-rabta li jitlob is-sagrament taż-żwieġ. Qal li anke l-appostli nfishom kellhom dan id-dubju.
Minkejja dan, sostna li għal Alla xejn mhu impossibbli u qal li jitlob għall-familji biex jibqgħu jikbru fil-għerf, fis-snin u fil-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.
Għamel ukoll referenza għall-pittura famuża tas-Sacra Famiglia, li tolqtu ħafna għax turi t-Trinità orizzontali, b’San Ġużepp, Ġesù u l-Madonna, kif ukoll it-Trinità Qaddisa, bil-Missier, l-Ispirtu s-Santu u Ġesù. Din il-pittura, b’mod sottili imma qawwi ħafna, tippreżenta lil Ġesù fir-rwol doppju tiegħu, bħala l-Iben t’Alla magħmul bniedem, u li allura miegħu għandu lil ommu u lil missieru.
L-Arċisqof qal li l-vanġelu juri li Ġesù għandu żewġ missirijiet, jiġifieri l-missier legali kif ukoll il-missier tat-Trinità Qaddisa.
Saħaq li meta tgħaddi minn fuqhom marda jew xi kriżi fil-familja, ħafna donnhom jitilfu l-preżenza ta’ Ġesù. Hawn fakkar kif Ġesù kien qal li meta minħabba d-djufija tal-bniedem, xi kriżi jew mument ta’ dlam, inħossuna ‘l bogħod, u forsi nfittxuh u ma nsibuhx, m’għandniex nibżgħu għax hu dejjem magħna.
Għalhekk, qal l-Arċisqof Scicluna, għandna nitolbu biex il-familji li tilfu l-preżenza tas-sens ta’ Ġesù jerġgħu jiskopruh, anke fit-tbatija.
Ritratt: Uffiċju Komunikazzjoni, Knisja
0 Comments