Ittra Pastorali fil-Bidu tal-Ġublew tal-Ħniena – Inħennu Bħall-Missier
Saturday 12 December 2015
“Inħennu bħall-Missier”. Dan hu l-messaġġ importanti li jrid iwasslilna l-Ġublew għas-Sena tal-Ħniena li nieda l-Papa Franġisku. Hu Ġesù nnifsu li jagħmlilna din is-sejħa: “ħennu bħal ma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36).
Il-ħniena: espressjoni tal-imħabba ta’ Alla
L-Aħbar it-Tajba tista’ tinġabar fi kliem Ġesù: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem (Ġw 3:16). Alla hu “għani fil-ħniena” (Ef 2:4) u din hi l-kwalità li l-aktar turi s-setgħa bla tarf ta’ Alla (ara Misericordiae Vultus, 6).
Fil-qalba tal-Evanġelju hemm il-ħniena ta’ Alla. Ġesù Kristu juri l-wiċċ kollu ħniena tal-Missier: bil-kelma tiegħu, bil-ġesti tiegħu, b’dak kollu li hu (ara Misericordiae Vultus, 1). L-Evanġelju jurina li kull min jiltaqa’ ma’ Ġesù jista’ jħoss mill-viċin il-balzmu tal-ħniena kbira ta’ Alla, li hi għajn ta’ ferħ kbir.
Il-ħniena: espressjoni tal-imħabba li naqsmu ma’ ħutna
Aħna msejħin inħennu għax qabelxejn kien magħna stess li ntweriet il-ħniena (ara Misericordiae Vultus, 9). Il-ħniena li nirċievu mingħand Alla tagħmilna nixbhu lilu. Il-ħniena għalhekk issir espressjoni tal-imħabba li naqsmu ma’ ħutna. Nibdew fil-mod kif nittrattaw lil xulxin, fil-ħajja bejnietna: li nħossu għal xulxin, li nieqfu ma’ xulxin fil-mumenti diffiċli, norbtu l-ġrieħi ta’ dawk li huma mweġġgħin u naħdmu biex negħlbu l-konflitti, il-mibegħda, l-għira, il-kliem ta’ ġudizzju fuq xulxin li jġib il-ħsara (ara Misericordiae Vultus, 14). Jixraq għalhekk li matul din is-Sena ta’ grazzja, ilkoll ngħannu l-ħniena ta’ dak Alla li jħobbna bi mħabba ġewwinija u konkreta. Dan nistgħu nagħmluh billi aħna lkoll konkretament nuru ħniena u hekk inkomplu nxandru lill-bniedem ta’ żmienna l-aħbar tas-Salm 136: “għal dejjem il-ħniena tiegħu”!
Espressjoni konkreta: il-ħarsien tal-ħlejjaq l-iżjed dgħajfa u vulnerabbli
“Meta konna magħkusin ftakar fina, għax għal dejjem il-ħniena tiegħu!” (S 136:23). Alla juri l-ħniena tiegħu billi jħares lill-bniedem li għandu bżonn min jipproteġih u jeħilsu minn kulma jhedded il-ħajja u l-libertà tiegħu. Bħala xandara ta’ din il-ħniena, aħna lkoll imsejħa biex inħarsu lil dawk il-persuni li huma l-iżjed dgħajfa u vulnerabbli, li għandhom l-iżjed bżonn tal-protezzjoni. Nibdew mill-ħlejqa umana mill-bidu nett tat-tnissil sat-tmiem naturali tagħha: li aħna nagħmlu ħilitna biex nipproteġu l-ħajja mnissla sa mill-bidu nett, li sal-ewwel tmien ġimgħat tissejjaħ embrijun, imbagħad wara tmien ġimgħat ikollha isem ieħor, imma hija l-istess ħlejqa li, malli mbagħad titwieled, il-liġi tagħrafha bħala persuna. Il-liġi tagħti l-protezzjoni sa mill-bidu tal-eżistenza tal-bniedem, u tagħmel tajjeb, għax il-liġi trid tkun ukoll espressjoni
tal-ħniena tagħna li aħna nħarsu l-ħajja umana, b’attenzjoni speċjali lejn dawk li huma l-iżjed vulnerabbli u għalhekk jeħtieġu protezzjoni akbar.
“Lil kulħadd hu jagħti l-ikel, għax għal dejjem il-ħniena tiegħu!” (S 136:25). Alla, Missier ta’ kulħadd, juri l-ħniena tiegħu billi jipprovdi l-għajxien għall-bnedmin kollha li huma lkoll uliedu, maħluqa fuq ix-xbieha tiegħu. F’dan il-kuntest, il-Ġublew għandu jżomm dejjem aktar ħajja fina t-tbatija li jgħaddu minnha dawk ħutna immigranti li wħud minnhom jaslu fi xtutna, oħrajn fi xtut oħra tal-Mediterran. Titwaħħax taqra dwar is-sofferenza u l-umiljazzjoni li jġarrbu! Meta aħna, lil dawn ħutna nilqgħuhom fix-xtut tal-Ewropa, aħna qed nilqgħu nies li diġà għaddew minn kalvarju kbir. Dik ukoll hija ħniena. Imbierka s-soċjetà tagħna meta tuża kliem ta’ mħabba u rispett waqt li titkellem fuq dawn ħutna. Nixtiequ ngħidu b’mod ċar bħala ragħajja: jekk xi ħadd minna, għal dawn ħutna juża kliem ta’ mibegħda jew kliem ta’ razziżmu, dan imur kontra dak li nemmnu. Ħa jikkonverti min jgħid kliem ta’ tkasbir u ta’ disprezz li jweġġa’!
Espressjoni konkreta: il-ħarsien tal-ħolqien
“Hu li għamel is-smewwiet bil-ħsieb […], li firex l-art fuq l-ilmijiet, għax għal dejjem il-ħniena tiegħu!” (S 136:5-6). Il-ħolqien huwa ktieb miftuħ li jekk inħarsu lejh b’attenzjoni, jurina l-kobor tal-ħniena ta’ Alla. Għaldaqstant, espressjoni tal-ħniena hi wkoll il-ħarsien tal-ħolqien. Meta din is-sena, il-Papa Franġisku tana dak id-dokument sabiħ fuq il-ħarsien tal-ħolqien, l-Enċiklika ‘Laudato Si’, għażel il-kelma ħolqien biex ifakkarna li l-ambjent li aħna ngawdu ġej minn Alla l-Ħallieq. Aħna għandna bżonn inħarsu dik is-sbuħija li ħalaq Alla u nfaħħruh bħalma għamel San Franġisk: “tkun imbierek għal oħtna x-xemx, tkun imbierek għal ħuna l-qamar”. Hi responsabbiltà kbira li nieħdu ħsieb din id-dar komuni tagħna, u niżirgħu l-ġmiel, mhux it-tinġis u l-qerda.
Espressjoni konkreta: il-maħfra tal-għedewwa
“U ħelisna mill-għedewwa tagħna, għax għal dejjem il-ħniena tiegħu!” (S 136:24). Il-ħniena ta’ Alla kapaċi teħlisna minn dak li joqtol lir-ruħ (ara Mt 10:38), mill-veru għadu tagħna li jgħarraqna fil-korla, il-vendetta u l-mibegħda lejn ħutna l-bnedmin. Fil-ħniena kbira tiegħu, Kristu fuq is-Salib jurina li hija l-imħabba dik l-arma li biha nistgħu noħorġu rebbieħa: dik l-imħabba li tingħata, li taħfer u li tħenn. Għaldaqstant, espressjoni tal-ħniena hi l-maħfra tal-għedewwa. Hu u jħeġġiġna biex inħennu bħall-Missier, il-Mulej jagħtina l-qawwa li quddiem il-vjolenza ta’ din id-dinja, quddiem l-inġustizzji, quddiem it-terroriżmu, aħna ma nirrispondux bl-istess lingwaġġ, imma bl-għajnuna tiegħu nirreżistu għat-tentazzjoni li nirrispondu bi vjolenza għall-vjolenza, bil-vendetta għall-ħsara li ssir. Dan hu li tfisser li taħfer lill-għadu tiegħek.
Ġesù għallimna li quddiem ir-rifjut, quddiem il-vjolenza tad-dinja, in-Nisrani jrid jirrispondi b’lingwaġġ differenti. Ġesù msallab jgħallimna r-risposta fundamentali tal-maħfra u l-ħniena. Dan l-aħħar, aħna, bħala Ewropej, konna milquta mid-daqqa ta’ stallett tar-terroriżmu. Kif se nirrispondu għal tant vjolenza? Aħna bħala komunità ta’ fidi, meta nisimgħu li dawn l-affarijiet orribbli jsiru f’isem Alla, nitkexkxu. Bħalma qal il-Papa Franġisku: “hija l-ikbar dagħwa” li tuża dik il-vjolenza li toqtol nies innoċenti f’isem Alla! Min jagħmel hekk qed jagħmel l-ikbar ħsara, qed joffendi l-qalb tal-Ħallieq.
Ejjew bħala Nsara, bħala Knisja, bħala soċjetà, nieħdu l-opportunità li qed tagħtina din is-Sena qaddisa tal-Ħniena biex naħfru tassew mill-qalb lil xulxin, biex inkomplu l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni. Ejjew meta niftakru kemm drabi weġġajna lil xulxin, ngħidu: hemm bżonn nieqfu nkunu vittmi tad-dnubiet tagħna nfusna, hemm bżonn nieqfu milli npattuha lil xulxin, milli nużaw kliem iebes u li jweġġa’ kontra xulxin. “Il-maħfra għandha l-qawwa li tqajjimna lura għal ħajja ġdida u timliena bil-kuraġġ biex nistgħu nħarsu b’tama lejn il-ġejjieni” (Misericordiae Vultus, 10).
L-opri tal-ħniena
“Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet, għax għal dejjem il-ħniena tiegħu!” (S 136:26) Din is-Sena tal-Ġublew għandha tgħinna nistqarru l-“grazzi” tagħna lil Alla, billi fl-istess ħin nilqgħu l-missjoni sabiħa u impenjattiva li fi Kristu nkunu l-wiċċ tal-ħniena tiegħu għall-proxxmu tagħna. Dan jitlob minna li nsiru aktar midħla tal-opri tal-ħniena. Il-kliem ta’ Ġesù hu ċar ħafna (ara Mt 25): Kont bil-ġuħ, bil-għatx, għeri, barrani, marid, fil-ħabs. F’dawn il-mumenti, Ġesù jistenna li meta niġu wiċċ imb wiċċ ma’ ħutna fil-bżonn, naraw lilu; ma nħarsux in-naħa l-oħra, imma nieqfu tassew ma’ min jeħtieġ l-għajnuna tagħna. Il-Papa Franġisku jsemmi wkoll l-opri tal-ħniena spiritwali, li huma wkoll tant importanti: li nagħtu parir tajjeb, ngħallmu lil min ma jafx, niftħu għajnejn il-midneb, infarrġu lill-imnikket, naħfru l-ħtijiet, nistabru b’min idejjaqna, nitolbu ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Ejjew f’din is-Sena ngħixu bil-ferħ dawn l-opri tal-ħniena fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ħa nisimgħu l-karba ta’ dawk li qed ifittxu l-għajnuna, “ħa nagħfsulhom idejhom f’tagħna, u niġbduhom lejna biex iħossu s-sħana tal-preżenza tagħna, tal-ħbiberija u tal-fraternità” (Misericordiae Vultus, 15).
Il-balzmu tal-ħniena
“Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, għax għal dejjem il-ħniena tiegħu!” (S 136:1). Il-Mulej Alla tagħna hu tajjeb u ħanin. Infatti il-ħniena “hi t-triq li ssieħeb lill-bniedem ma’ Alla, għax tiftaħ il-qalb għat-tama li aħna maħbuba għal dejjem minkejja l-limiti tad-dnub tagħna” (Misericordiae Vultus, 2). Is-Sena tal-Ħniena għandha tħeġġiġna biex qatt ma naqtgħu qalbna. Kultant jista’ jiġrilna hekk minħabba d-dgħufija tagħna. Imma “aħna m’għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed, li huwa Ġesù, li kien imġarrab bħalna f’kollox minbarra d-dnub” (Lhud 4:15). Jekk irridu nemmnu f’Ġesù, irridu nemmnu fih bħala dak li jagħdirna, li jaf id-dgħufija tagħna u jgħinna ma nibqgħux imwaħħlin fiha.
Il-Mulej ma qagħadx joqgħod ifittex il-wiċċ ħelu tagħna biex iħobbna, ma qagħadx jara l-qdusija tagħna jew inkella l-punti li ġibna fil-pitazz tal-ħajja tagħna, biex jgħid: ‘iva, għandek biżżejjed punti biex jien inħobbok’. Aħna maħbuba minkejja l-limiti tad-dnub tagħna. “Quddiem il-gravità tal-ħażen, Alla jwieġeb bil-milja tal-maħfra. Il-ħniena dejjem se tkun ikbar minn kull dnub, u ħadd ma jista’ jqiegħed limitu għall-imħabba ta’ Alla li jaħfer” (Misericordiae Vultus, 3). Għalhekk għandu valur kbir is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni – il-qrar – li jwasslilna din il-ħniena ta’ Alla b’mod hekk sabiħ. Ejjew b’mod speċjali matul din is-Sena tal-Ħniena napprezzaw dan is-Sagrament, ngħożżuh, u nagħmlu mezz li nersqu lejh bil-ferħ ħa nirċievu l-balzmu tal-ħniena ta’ Alla (ara Misericordiae Vultus, 17).
Talba
Ħalli għalhekk il-pellegrinaġġi li sejrin nagħmlu lejn il-bibien tal-Ħniena li ser jinfetħu fil-Katidrali u s-Santwarji tal-gżejjer tagħna jkunu espressjoni ta’ mixja ta’ konverżjoni sabiex ħajjitna stess tistqarr li “għal dejjem il-ħniena tiegħu”. Hekk tassew ngħaddu minn Kristu, il-bieb li jsalvana u jwassalna lejn il-mergħat ta’ dejjem (ara Ġw 10:9).
Aħna u nibdew din is-Sena Mqaddsa waqt li nħejju ruħna għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Alla li twieled fostna, festa tal-ħniena li tnissel il-ferħ f’qalbna, ejjew nitolbu lil Marija, Omm il-ħniena, biex tgħinna dejjem ngħożżu f’qalbna l-ħniena ta’ Alla ħalli aħna wkoll nistgħu nħennu bħall-Missier.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna b’rahan ta’ kull ġid mis-sema.
Illum, 8 ta’ Diċembru 2015, Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija.
✠ Charles J. Scicluna ✠ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex
Agħfas hawn biex tniżżel l-Ittra Pastorali bil-Malti.
Agħfas hawn biex tniżżel l-Ittra Pastorali bl-Ingliż.
0 Comments