Isma talbna Mulej u salvana.
F’kull quddiesa wara l-offertorju qabel it-Talba fuq l-Offerti u t-Talba Ewkaristika, is-saċerdot imil quddiem l-altar ta’ Alla u b’leħen baxx jgħid din it-talba sabiħa: “Ilqagħna, Mulej Alla tagħna, umli u niedma quddiemek u agħmel li jkun jogħġbok dan is-sagrifiċċju li qegħdin noffrulek”. Din it-talba sabiħa hija meħuda mit-talba ta’ Għażarija fil-Ktieb tal-Profeta Danjel.
Din kienet il-karba li ħarget mill-qalb u l-fomm ta’ Għażarija li ġie mitfugħ fil-forn tan-nar mis-Sultan Nabukadnessar fil-Babilonja wara li dan waqqaf idolu enormi tad-deheb u l-kbarat tiegħu kellhom imilu quddiemu jadurawh. Ħananija Sidrak, Misaèl Mesak, u Għażarija Għabednegu, ministri Lhud tas-Sultan irrifjutaw li jmilu quddiem l-idolu u għalhekk gew mitfugħin fil-forn tan-nar.
Is-Sultan heles lil dawn il-qaddejja ta’ Alla, u ta qima lill-Alla ta’ Iżrael, wara li s-Sultan ra fil-forn tan-nar jahraq ir-raba’ figura li kien l-anġlu tal-Mulej iħares lil dawn il-qaddejja tiegħu mill-ħruq.
Għażarija jinfexx f’talba sabiħa li fiha hu jitlob lil Alla ma jinsiex il-poplu tiegħu, jiftakar fil-Patt li għamel miegħu, u ma jitlaqx lil dan il-poplu tiegħu f’dan iż-żmien iebes tal-eżilju f’idejn il-Pagani. Għażarija jitlob lil Alla jħenn għall-poplu tiegħu li hu ’l bogħod minn Ġerusalemm, bla tempju, bla liturġija li fihom jagħtuh qima u jadurawh. Il-qima tal-eżiljati hija qalb niedma, sogħbiena, maqsuma. It-talb isir l-għajta tat-tallab, l-offerti jsiru d-dmugħ iġelben mal-ħaddejn, l-inċens isir il-qalb li ħfiefet mit-toqol tar-rabtiet ħżiena u issa tista’ togħla ’l fuq lejn Alla. L-eżilju l-poplu għexu bħala kastig ta’ Alla mibgħut minħabba d-dnub ta’ poplu li kibritlu rasu, nesa lil Alla u qiegħed lilu nnifsu flok Alla. L-umiljazzjoni fl-eżilju Babiloniż daħħlet lill-poplu ta’ Alla fih innifsu u nduna li mingħajr Alla ma hu xejn. L-eżilju f’Babel kien il-forma esterjuri tal-jasar li l-poplu kellu f’qalbu ukoll meta dan kien ħieles u rajh f’idejh f’artu.
Ġesù wkoll jurina li aħna midjunin ma’ Alla għax qalbna ’l bogħod minnu; imma hu jaħfer, jagħder, iħenn u jagħtina ċans nerġgħu lura mill-egoiżmu tagħna. Fil-parabbola tal-qaddej midjun li jitlob li jinħafirlu dejnu imma mbagħad ma jaħfirx u ma jistenniex lill-proxxmu jerġa’ lura bil-pass tiegħu, Ġesù jgħallimna li l-għarfien tal-kundizzjoni tagħna ta’ midjunin ma’ Alla trid twassalna biex aħna wkoll ikollna kompassjoni ma’ ħutna u sens ta’ ġustizzja ma’ Alla u mal-bnedmin. Nitolbu lill-Mulej maħfra ta’ kemm imxejna b’żewġ kriterji fejn nidħlu aħna u fejn jidħlu l-oħrajn. Nitolbu lil Alla qalb umli u niedma li tagħmilna bnedmin ta’ kompassjoni għal ħutna.
Illum, pajjizna qed jiccelebra Jum l-Indipendenza.
Mulej, ħenn għall-poplu Malti. Titlaqx lil poplu Malti f’dan iż-żmien iebes li qed ngħixu llum. Il-valuri li għaddewlna missierijietna wawwabnihom… u dak kollu li kien tajjeb, sar ħażin, u dak li kien ħażin, sar tajjeb.
… L-eżilju l-poplu għexu bħala kastig ta’ Alla mibgħut minħabba d-dnub ta’ poplu li kibritlu rasu, nesa lil Alla u qiegħed lilu nnifsu flok Alla. L-umiljazzjoni fl-eżilju Babiloniż daħħlet lill-poplu ta’ Alla fih innifsu u nduna li mingħajr Alla ma hu xejn. L-eżilju f’Babel kien il-forma esterjuri tal-jasar li l-poplu kellu f’qalbu ukoll meta dan kien ħieles u rajh f’idejh f’artu.
MIN IRID JIFHEM, HA JIFHEM.
Il-Paci magħkom ħuti.
Peter ofs
0 Comments