IR-RANDAN

Għada l-Erbgħa tal-Irmied, huwa l-bidu tar-Randan. Ħafna minna nibdew naħsbu biex nattendu xi eżerċizzji spiritwali u forsi naħsbu wkoll biex nagħmlu xi tip ta’ sagrifiċċju matul dan il-perjodu. L-iskop tar-Randan hu li nitbiegħdu mid-dnub u l-egoiżmu permezz taċ-ċaħda u t-talb u b’hekk joħloq fina x-xewqa li nagħmlu r-rieda t’Alla. Ir-Randan huwa żmien ta’ riflessjoni u tiġdid.
Is-sawm, it-talb u l-karità, li jippreżentalna Ġesù fil-predikazzjoni tiegħu (Mt 6:1-18), huma l- kundizzjonijiet u l-espressjoni tal-konverżjoni tagħna. It-triq tal-faqar u taċ-ċaħda (is-sawm), il-ħarsa u l-ġesti ta’ mħabba għall-bniedem midrub (il-karità), u d-djalogu ta’ wlied mal-Missier (it-talb) jgħinuna nlaħħmu fina fidi sinċiera, tama ħajja u mħabba ħawtiela. (Papa Frangisku, Randan 2021).

Il-Mulej jixtieq iferra l-imħabba tiegħu fi qlubna. F’dan l-istaġun tar-Randan, Alla mhux biss jixtieq li jerġa’ iġedded u jsaħħaħ il-fidi tagħna, imma jixtieq ukoll iġedded fina tama qawwija. Huwa s-Salib ta’ Kristu li jsaħħaħ fina t-tama hekk kif nivjaġġaw lejn l-Għid. Din hi t-tama Nisranija – il-mewt mhix l-aħħar kelma imma hija l-imħabba ta’ Alla għalina li hija l-akbar tama tagħna.

It-tama tistedinna nersqu qrib Alla li jħobbna b’imħabba bla qis. Tistedinna biex inwarbu l-istorbju f’ħajjitna, u nduru għat-talb sabiex inkunu nistgħu nisimgħu l-vuci Tiegħu f’ruħna.
Hija permezz ta’ l-imħabba li Alla jferra f’qlubna li niltaqgħu ma’ tama li qatt ma tiddiżappuntana. F’dinja li qed issir dejjem aktar sekulari, dan ir-Randan jeħtieġ li nitolbu bil-ħerqa għal soċjetà li nsiet lil Alla. Nitolbu għal dawk kollha li jinstabu imtaqqlin bit-tbatijiet tal-ħajja, għal dawk kollha li tilfu t-tama. Nitolbu biex jarfu li huwa Kristu t-tama tagħna u biex jarfu li huwa dejjem jakkumpanjana fit-tbatija tagħna.
Il-kliem ta’ Ġesù, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex abbandunajtni?” huma wkoll il-vuċi tagħna. Din hija l-vuċi tal-knisja li tbati. Fl-umiljazzjoni Tiegħu, Hu jirrappreżenta lil dawk li huma umiljati. Fit-tradiment Tiegħu, Hu jirrappreżenta lil dawk kollha li ġew traduti. Fiċ-ċaħda Tiegħu, Hu jirrappreżenta lil miċħuda. Ġesù fuq is-salib jagħti vuċi lid-dmugħ ta’ min qata’ qalbu.

Għalhekk, kif jgħid Papa Franġisku, dan ir-Randan irridu nsiru xhieda tat-tama. Dan nistgħu nagħmluh billi nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jgħina nitwieldu mill-ġdid f’ Kristu. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jimlina bit-tama li ma tmut qatt hekk kif nimxu lejn l-akbar tama tagħna, il-Qawmien ta’ Kristu.

Paċi u Sliem

Mariella Spiteri Gonzi ofs