Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk

L-immaġini popolari u sentimentali li ħafna għandhom dwar ir-Ragħaj it-Tajjeb hija waħda ferm mwarrba mir-realtà.

Ħafna żmien qabel il-Poplu l-Magħżul t’Alla ma’ niżżel l-għeruq f’post wieħed, u beda jaħdem wiċċ l-art biex jipproduċi l-ikel, kien jgħix fit-tined u jiġġerra minn post għall-ieħor biex ifittex mergħat tajba fejn jirgħa l-merħliet tiegħu.

Ir-ragħaj kellu post fil-folklor tal-Iżraeliti, imma ma kellux post importanti fis-socjetà tagħhom fiż-żmien Ġesù. Ir-ragħaj kien fil-qieħ tas-skala soċjali. Kien jgħix fil-periferija taċ-ċciviliżazzjoni – fil-ħruxija u fil-periklu t’ambjent salvaġġ, bl-irwejjaħ ta’ min ma jinħasilx, fil-malinkonija ta’ bniedem waħdu fil-baħħ li jqatta’ ħajtu mal-mogħoż aktar milli man-nies.

Fiż-żmien Ġesù ir-ragħaj kien ħaddiem importanti, imma ma kienx fdat. Ir-rivalità bejn in-nomadi jiġġerrew mal-kampanja, u dawk li jgħixu f’post wieħed biex jaħdmu l-art, kienet għada tħeġġeġ. Ir-ragħajja kienu meqjusin bħala taħlita ta’ żingari u ħallelin, mhux anqas ghaliex il-merħiet tagħhom kienu jieklu kull ma’ jsibu, anke jekk dan kien ikun fuq propjetà privata! Minħabba li xogħolhom kien jesiġi li jiġġerrew minn post għall-
ieħor, dawn ma kienux jistgħu jonoraw il-ħtiġijiet tal-liġi ċerimonjali,.u allura kienu mkeċċija mis-socjetà reliġjuża. Ukoll, peress li kienu meqjusa bħala nies li ma tistgħax
tafdahom, ma setgħux jagħtu xhieda legali.

Allura meta Ġesù jgħid li Hu ragħaj, qiegħed iqabbel lilU nnifsU mal-vagabondi tas- socjetà. Huwa jgħid “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema il-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.” (Matt 8:20) Huwa il-profeta li ma kienx aċċettat f’Nażżaret, li jmur minn post għall-ieħor, dejjem għandu fejn imur, imma jfarfar ħafna trab minn saqajħ. Ma jibqax f’post wieħed, lanqas meta jiġi milqugħ b’ġenerożità. Ma jridx jintrabat – ħlief meta jeħduh il-Kalvarju.

Bhala ragħaj, Ġesù dejjem jimxi quddiem il-merħlaTiegħU jfittex mergħat ġodda. Jiffaċċja r-riskju w il-periklu Hu, għax jaf li fuq l-għoljiet jkun hemm l-ilpup imlibsin b’sufsabiħ liema bħalu. Imma lir-ragħaj, b’sens ta’ xamm qawwi, mhux se jingannawh. Fl-aħħar jaqbduh u joqtluh… imma l-qabar huwa biss waqfa temporanja. Ċara li ragħaj ma jistghax joqgħod f’post wieħed!

Paċi u ġid
Brigitte Attard ofs