L-istedina ta’ Ġwanni l-Battista: “Indmu, għax is-Saltna tas-sema hi fil-qrib!” (Mt 3,2), ghadha tidwi, anki llum, elfejn sena wara!

Matul dan ir-Randan imqaddes, meta l-epidemija qed tfakkarna kuljum fix-xejn taghna, ejjew nilbsu ‘l-ixkejjer” tal-umilita u bhala Fraternita, naghmlu att ta’ INDIEMA, bi spirtu Frangiskan.

O Gesu ikollok ħniena minn dan il-ftit tafal li ma jafx ħlief jidneb. Aħna nitolbuk maħfra għad-dnubiet li għamilna fi tfulitna, f’żgħożitna, meta kbirna u matul ħajjitna kollha, għad-dnubiet li niftakru u dawk li ma niftakrux; għad-dispjaċir li tajnik minħabba dawn id-dnubiet, għall-imġieba ħażina tagħna miegħek.

Mulej aħna nitolbuk li ma ddawwarx il-ħarsa tiegħek minn fuqna minħabba li nidimbu
kontinwament kontra tiegħek. L-imħabba tagħna lejk hija waħda kbira imma Mulej Ġesù, kif stqarrejt fil-Passjoni Tiegħek meta kont minxur fuq is-Salib – “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” – hekk ukoll, idħol għalina quddiem il-Missier.

Mulej, inħossu li offendejnik ħafna.
*Aħfrilna, aħfrilna, O Ġesù tagħna,
*aħfrilna f’ġieħ il-ħniena kbira tiegħek,
*aħfrilna l-ingratitudni tagħna miegħek,
*aħfrilna u tħarisx issa lejn id-dejn li għandna minħabba dnubietna,
*aħfrilna ħtijietna kollha u naddafna minn kull tebgħa tagħhom,
*aħfrilna u jkollok ħniena minna, midinbin fqajra,
*aħfrilna għaliex jiddispjaċina ħafna li nqasnik bi ħtijietna,
*aħfrilna għaliex qegħdin nagħmlu ħilitna biex ngħixu aħjar u nikkorrispondu mal-grazzja tiegħek,
*aħfrilna u dawwar wiċċek minn ħtijietna, aħna nistqarru lilna nfusna bħala midinbin u ħatja.
*Aħfrilna għaliex ħtijietna ġabulna dieqa kbira.
*Aħfrilna għaliex għalkemm aħna fqajrin, Inti taf li aħna nħobbuk.

Ġesù qabel tiġġudikana, iġġustifikana.
Ġesù tkunx għalina Mħallef, imma Salvatur.
Ġesù, kun għalina medjatur quddiem il-Missier.
Mulej, agħtina d-dawl biex nagħrfu dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin u mliena bil-grazzja biex naqilgħu il-maħfra tiegħek.

Fid-diskors tiegħu ħdejn il-Portiku ta’ Salamun, San Pietru wissa lill-poplu miġbur “Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom.” Dan il-kliem nistgħu ngħidu li kien qed jgħidu lilna wkoll għax aħna bnedmin dgħajfa u mingħajr l-għajnuna tiegħek dejjem nerġgħu naqgħu biex nagħmlu dak li ma jgħoġobx lilek.
Omm tagħna Marija, idħol għalina quddiem Ibnek Ġesù. O Qalb ħelwa ta’ Marija u Sultana Inkoronata tal-Qalb ħelwa ta’ Ġesù kun Inti il-Medjatrici tagħna.

Mulej Alla tagħna, għaliex Inti tjieba fuq kull tjieba, aħna maghqudin b’mod virtwali, nindmu u jiddispjaċina talli mmorru kontra r-rieda Tiegħek. Imma aħna nafu li bil-qawwa u l-għajnuna tiegħek, aħna nagħmlu ħilitna biex naħarbu minn dak kollu li jwaqqgħana fid-dnub.

Nilqghu b’fiducja shah, u b’tama dejjiema, l-istedina ta’ Ġwanni l-Battista: “Indmu, għax is-Saltna tas-sema hi fil-qrib!”
Peter Darmanin ofs
Ministru