IL-WARDA TAX-XEMX 

X’għandha specjali dil-ward, bl-Ingliż ‘Sun Flower’ ? Hawn ward iehor sabih, b’kuluri attraenti; ħomor, roża, lela, vjola u sofor. Hekkhu. Iżda l-ebda waħda ma ghandha dik l-ispecjalita fin-natura tagħha, il-kapacita, li għandha l-Warda tax-Xemx. Din hija fjura li dejjem ticcaqlaq gentilment, biex tħares direttament fejn ikun hemm ix-xemx. Mhux ta’ bxejn tissejjah il-Warda tax-Xemx. Għax dejjem tkun wicc’imbwicc max-xemx. Donnha bhal tarbija  li ma tgħix mingħajr ma tara ‘l ommha. Ħaġ’oħra kurjuża, din il-fjura għandha l-itwal zokk, tant li tidher minn kullimkien, qiesha xi omm qed tħares u tindokrha ‘l uliedha miġburin madwarha. U bħala fjura jispikka wkoll il-kobor tagħha, u m’hemmx varjanti tagħha. Il-Warda tax-Xemx għadha kif ħalaqha Alla permezz tan-natura. U xi ngħidu għall-fatt li hija l-istess xbiha tax-xemx: bic-cirku fin-nofs u r-raġġi ħerġin minnha.

Nimmaġinaw żewġt ixmux iħarsu lejn xulxin, u jiddu f’wicc xulxin. Ix-xemx qed tiddi b’dawl qawwi, tant qawwi li ħadd ma jissogra jħares lejha direttament. Hekk kien ġralu Mose fuq is-Sinaj, ma setax iħares lejn Alla. Nafu li x-xemx qegħdha hemm: qed inħossu s-sħana tagħha; qed ingawdu l-effett tal-ħajja li qed tagħti lil kull haġa maħluqa; qed tagħtina d-dawl matul il-jum; matul il-lejl tkun preżenti bid-dawl li tagħti lill-pjaneti l-oħra … lill-kwiekeb u l-qamar. Allura qed tfakkarna fil-preżenza dejjiema tagħha. U forsi Alla mhux hekk qed jagħmel?

Il-Warda tax-Xemx qed titgħaxxaq, qed tgħix bid-dawl tax-xemx. Tant hija mitlufha, affaxxinatha bid-dawl tax-xemx, li ma tistax titbiegħed minnha. Dil-warda qiesha qed tgħix għax-xemx; biha (xemx) u għaliha qed tgħix. HEKK KIENET MARIJA. Il-fjura t’Alla, l-isbaħ fjura li tikber fil-Ġnien tal-Karmelu. Dan huwa l-ħsieb dwar Marija li għaddha mill-moħħ mistiku tal-Qaddis Karmelitan, San Titu Brandsma, li miet martri tan-Nazi fil-Kamp tal-Koncentrament ta’ Dachau, il-Ġermanja.

Il-Fjura tax-Xemx hija simbolu tal-Lealta, tal-Fidi dejjiema, tal-Adorazzjoni, tal-Imħabba, tal-Ottimiżmu, tal-Ferħ, tal-Paci, tat-Tama u tal-Maħfra. Ħaġa kurjuża, fuq l-oqbra tas-suldati Ġermaniżi fil-gwerra, kienu jpoġġu ‘Fjura tax-Xemx’ (dan huwa dokumentat). Forsi b’dil-mossa kienu qed jistqarru li kienu kontra n-Nażiżmu u l-qerda tal-Lhud … min jaf? Fis-simboli li jagħti l-bniedem lil dil-fjura, mingħajr ma jaf qed jagħti tifsira ta’ dak kollu li kienet Marija: Lejalta lejn il-Kelma t’Alla; Fidi qawwija f’dak kollu li qalilha l-iSpirtu t’Alla; Adorazzjoni kontinwa ‘l Dak li ġarret f’ġufha; l-Imħabba lejn Binha u lejn il-bnedmin; Ottimiżmu waqt it-Tħabbira tal-Anġlu; Ferħ intern f’qalbha; Paci li għexet marbuta m’Alla u Tama li dejjem uriet. Dawn il-virtujiet kollha jistgħu ikunu tagħna jekk nitolbu u nkunu devoti tal-‘Warda tax-Xemx’, li qeghdha hemm fil-għoli  biex tarana u tindokrana lkoll. Tinsewx għandha zokk twil.

Tony Mahoney, OFS