Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk,
Ix-xagħar t’Awissu huwa ddedikat lill-Qalb Immakulata ta’ Marija. Il- qalb fiżika ta’ Marija hija vvenerata għaliex hija parti mill-persuna ta’ Marija u s-sedja t’imħabbitha (speċjalment għall-Iben divin tagħha), tal-virtù tagħha, u tal-ħajja interjuri tagħha. Din id-devozzjoni lejn il-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija hija inċentiv biex niżviluppaw imħabba u virtù simili ġewwa fina.
F’dawn l-aħħar mitt sena din id-devozzjoni rċeviet emfasi ġdida wara l-viżżjonijiet ta’ Lucia Dos Santos ta’ Fatima, fil-kunvent tagħha f’ Tuy, fi Spanja, fis-snin 1925 u 1926. Fil-viżżjonijiet il-Madonna talbet għall-prattika tal-Ħames l-Ewwel Sibtijiet tax-Xahar, bħala reparazzjoni għall-offiżi li tirċievi ilqalb tagħha bid-dagħa u l-ingratitudni tagħna. Din il- prattika hija bħad-devozzjoni tad-Disa’ l-Ewwel Ġimgħat tax-Xahar b’unur lejn il- Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.
Fil-31 t’’Ottubru 1942, il-Papa Piu XII għamel Att ta’ Konsagrazzjoni solenni tal-Knisja u tad-dinja kollha lill-Qalb Immakulata ta’ Marija. Il-Papa Pawlu VI ġedded pubblikament dan l-Att ta’ Konsagrazzjoni fil-21 ta’ Novembru 1964, waqt il-Konċilju Vatikan II, u waqt żjara tiegħu f’Fatima, fit-13 ta’ Mejju 1967, ħeġġeġ lill-fidili kollha biex iġeddu personalment il-konsagrazzjoni tagħhom lejn il-Qalb t’Omm il-Knisja, u jagħtu il-ħajja lil dan l-att nobbli ta’ venerazzjoni b’ħajja mgħixa dejjem iżjed skond ir-Rieda Divina, bi spirtu ta’ servizz filjali w imitazzjoni devota tar-Reġina tas-Sema.
L-aktar ħaġa essenzjali hija li wieħed jgħix din il-konsagrazzjoni billi wieħed jadotta tlett attitudnijiet:
-
Imitazzjoni ta’ Ġesù u Marija biex wieħed isir jixbaħhom u jibqa’ dejjem unjoni magħhom.
-
Għotja lil Ġesù u Marija ta’ kull ma hu tagħna, kemm temporali kif ukoll spiritwali.
-
Ubbidjenza għal dak kollu li jixtiequ minna Ġesù u Marija, bi spirtu ta’ mħabba u generosità assoluta.
San. Maximilian Kolbe kien jirrelata il-konsagrazzjoni mal-wegħdiet tal-Magħmudija, fejn nwiegħdu li niċħdu lix-xitan u l-opri kollha tiegħu, filwaqt li nsegwu lil Ġesù. Fil-konsagrazzjoni aħna nwettqu bis-sħiħ dawn il-wegħdiet. Bil-Konċizzjoni Immakulata tagħha, Marija kienet disposta li tirrispondi bis-sħuħija u perfezzjoni li aħna il-bnedmin ma jirnexxielniex nifħmu.
Il-konsagrazzjoni lejn il- Qalb bla Tebgħa ta’ Marija tistedinna biex nagħmlu reparazzjoni għall-offiżi li aħna, u bnedmin oħra, inwettqu kontriha. Kull dnub li nikommettu jnikkitha, u jikkawża sofferenza mhux biss lilha, imma ukoll lil Binha Ġesù. Id-dnub kien il-kawża ta’ dik il-ġurnata tal-biża’ fuq l-għolja tal-Kalvarju, meta Marija, l-Eva l-ġdida, issieħbet fit-turment tas-sagrifiċċju immens, u bit-tbatija liema bħala, weldet il-membri kollha tal-Ġisem Mistiku ta’ Binha Divin. Alla ried li Marija tieħu parti intima ma’ Binha meta Huwa tgħabba bi dnubietna. Ghaldaqstant, aħna li kkawżajnielhom tant uġiegħ, għandna nagħmlu reparazzjoni lill-Qalb divina ta’ Ġesù flimkien mal-Qalb Immakulata ta’ Marija. Meta nweġgħu lil xi persuna oħra inħossu l-bżonn li nirreparaw għal għemilna. Kemm aktar aħna midjunin mal-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija!
Inselli għalikom u nixtieqilkom kull paċi u ġid.
Brigitte Attard, OFS
0 Comments