839551-400xNoneIl-Knisja f’Malta llum tingħaqad mal-Knisja Universali u tfakkar il-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu.

Bi tħejjija għal dan il-jum, il-knejjes żarmaw l-artal maġġuri u minflok intrama l-artal tar-repożizzjoni magħruf bħala s-sepulkru, fejn is-Sagrament ikun espost għall-qima tan-nies.

Bħal-lum ma ssirx quddiesa u l-funzjonijiet fil-knejjes jikkonċentraw madwar is-salib imqaddes, bil-qniepen tal-knejjes jibqgħu siekta sal-quddiesa tal-Qawmien, u minflokhom nisimgħu l-għajta taċ-ċuqlajta.

L-ewwel parti tal-Liturġija tkun il-qari tar-rakkont tal-Passjoni li fil-Ġimgħa l-Kbira dejjem ikun skont San Ġwann waqt li wara ikun hemm l-adorazzjoni tas-Salib.

Fit-3.30 ta’ waranfosinhar, fil-Kon-Katidral fil-Belt Valletta, l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej li fiha ssir l-adorazzjoni u l-bews tas-Salib.

Wara l-quddiesa, għall-ħabta tal-ħamsa u nofs, f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex tibda l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, fejn jinħarġu mal-mitejn vara u jieħdu sehem eluf ta’ nies fosthom reffiegħa, oħrajn li jilbsu ta’ personalitajiet Bibliċi, fratellanzi, membri tal-iscouts u baned.