Il-Qalb ta’ Ġesu

Meta kont tifla, stampa sabiħa tal-Qalb ta’ Ġesù kienet imdendla fil-kamra tas-sodda tal-ġenituri tiegħi. Ġesù jitbissem, jindika b’imħabba lejn qalbu, inkurunata bix-xewk, f’ġest etern ta’ stedina. Kull meta ħarist lejn dik l-istampa, ħassejtni nħaddna, maħbuba — bħallikieku l-Mulej kien qed jistidinni biex nidħol fil-hena u fil-paċi Tiegħu. Ommi kellha devozzjoni kbira lejn il-Qalb ta’ Ġesu; kull l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar, kienet tikkonsagra l-familja kollha mill-ġdid għall-imħabba u l-ħniena Tiegħu.

Ix-xahar ta’ Ġunju huwa ddedikat lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Il-Festa taqa’ 19-il jum wara Pentekoste. Din is-sena taħbat nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Ġunju. Hekk kif aħna nistgħu nqisu t-twelid ta’ Ġesù bħala l-wasla tal-imħabba u d-dawl ta’ Alla f’dinja li saret kiesħa u mudlama permezz tad-dnub, hekk nistgħu nqisu t-tkabbir tad-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesu bħala tweġiba għad-dinja li saret kiesħa permezz tal-konfużjoni reliġjuża ta’ dak iż-żmien. Il-Ġanseniżmu, partikolarment prevalenti fi Franza fis-sekli 16 u 17, enfasizza r-rabja ta’ Alla, il-biża’ u n-natura midinba tal-umanità.

Dan wassal għat-tnaqqis fil-frekwenza tat-Tqarbin fost il-Kattoliċi. Meta

jitqiesu f’dan il-kuntest, id-dehriet tal-Qalb ta’ Ġesu lil Santa Margerita Marija
Alacoque juru li Qalb Ġesù taħraq bl-imħabba għall-umanità, li toffri s-salvazzjoni u l-ħniena. L-Ewropa kellha bżonn tfakkira tal-imħabba u l-ħniena ta’ Alla. Kien bħallikieku Ġesù kien qed itenni l-kliem tal-Vanġelu ta’ Ġwanni, “Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jikkundanna lid-dinja, imma biex id-dinja tiġi salvata permezz tiegħu” (Ġw 3:17). Messaġġ li kien, u għadu, meħtieġ ħafna fid-dinja.

Ġesù talab speċifikament li ssir festa tal-Qalb ta’ Ġesu nhar il-Ġimgħa wara l-ottava ta’ Corpus Christi—iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Din il-festa kellha tkun b’riparazzjoni għan-nuqqas ta’ gratitudni li wrew in-nies għas-sagrifiċċju li Ġesù kien għamel għalihom; is-sagrifiċċju preżenti fis-Sagrament ta’ l-Ewkaristija. Infatti, id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesu hija devozzjoni lejn l-imħabba tiegħU.
F’dawn iż-żmienijiet, fejn għal darb’oħra hemm nuqqas ta’ attendenza tal-Quddies u speċjalment tat-Tqarbin ejjew nitolbu b’ħegga kbira: O Qalb ta’ Ġesù li taħraq bl-imħabba għall-umanità urina s-salvazzjoni u l-ħniena Tiegħek – Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù jiena nafda fik.
Mariella Spiteri Gonzi ofs