Il-Qalb ta’ Ġesu
Meta kont tifla, stampa sabiħa tal-Qalb ta’ Ġesù kienet imdendla fil-kamra tas-sodda tal-ġenituri tiegħi. Ġesù jitbissem, jindika b’imħabba lejn qalbu, inkurunata bix-xewk, f’ġest etern ta’ stedina. Kull meta ħarist lejn dik l-istampa, ħassejtni nħaddna, maħbuba — bħallikieku l-Mulej kien qed jistidinni biex nidħol fil-hena u fil-paċi Tiegħu. Ommi kellha devozzjoni kbira lejn il-Qalb ta’ Ġesu; kull l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar, kienet tikkonsagra l-familja kollha mill-ġdid għall-imħabba u l-ħniena Tiegħu.
Ix-xahar ta’ Ġunju huwa ddedikat lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Il-Festa taqa’ 19-il jum wara Pentekoste. Din is-sena taħbat nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Ġunju. Hekk kif aħna nistgħu nqisu t-twelid ta’ Ġesù bħala l-wasla tal-imħabba u d-dawl ta’ Alla f’dinja li saret kiesħa u mudlama permezz tad-dnub, hekk nistgħu nqisu t-tkabbir tad-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesu bħala tweġiba għad-dinja li saret kiesħa permezz tal-konfużjoni reliġjuża ta’ dak iż-żmien. Il-Ġanseniżmu, partikolarment prevalenti fi Franza fis-sekli 16 u 17, enfasizza r-rabja ta’ Alla, il-biża’ u n-natura midinba tal-umanità.
jitqiesu f’dan il-kuntest, id-dehriet tal-Qalb ta’ Ġesu lil Santa Margerita Marija
Alacoque juru li Qalb Ġesù taħraq bl-imħabba għall-umanità, li toffri s-salvazzjoni u l-ħniena. L-Ewropa kellha bżonn tfakkira tal-imħabba u l-ħniena ta’ Alla. Kien bħallikieku Ġesù kien qed itenni l-kliem tal-Vanġelu ta’ Ġwanni, “Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jikkundanna lid-dinja, imma biex id-dinja tiġi salvata permezz tiegħu” (Ġw 3:17). Messaġġ li kien, u għadu, meħtieġ ħafna fid-dinja.
0 Comments