Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk
Kif nistgħu nindukraw lil pajjiżna – id-dar komuni tagħna.
Malta għadejja minn żmien ta’ sfidi kbar fejn tidħol il-kura ta’ pajjiżna, u l-ħolqien ta’ kultura li tirispetta kemm l-ambjent kif ukoll id-dinjità tal-komunità li ngħixu fiha. Dokument maħruġ mill-Knisja f’Malta, “One Church, One Journey” (OCOJ), jidentifika dawn l-isfidi u jipproponi attitudnijiet li jipproteġu l-ekoloġija integrali tal-pajjiż.
L-OCOJ jelenka żewġ sfidi li jikkonċernaw l-ambjent f’Malta: 1. M’hemx konessjoni bejn in-nies u n-natura; 2. Il-pajjiż għaddej minn tikriħ tal-ambjent. Il-kilba għall-flus qed taffettwa il-mod li l-Maltin qed jirrelataw mal-ambjent u bejniethom. Dan oppost għaċ-’Ċiviliżazzjoni ta’ Mħabba’ li introduċa il-Papa Pawlu VI, u li l-Papa Franġisku, fil-Laudato Si, iħeġġiġna li nadottaw bħala ċ-ċavetta għaż-żvilupp awtentiku. Iċ-’Ċiviliżazzjoni ta’ Mħabba’ titlob fraternità u solidarjetà mal-oħrajn. Titlob communità li tħaddan lil kulħadd, fejn kull persuna ikollha l-libertà li ssib lilha innifisha fil-komunità u fil-ħolqien. Libertà awtentika hija ibbażata fuq il-verità u l-imħabba, fuq l-għotja tal-persuna f’ servizz lill-oħrajn, li tirifletti l-imħabba ta’ Kristu għall-umanità.
Skond l-OCOJ ir-rebgħa “teqred ir-relazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u soċjali, imma fl-aħħar teqred in-nies infushom li ma jibqawx f’kuntatt mal-’omm’ – l-art, il-baħar u l-arja – li tagħtihom il-ħajja”. L-individwu jiffjorixxi meta jipparteċipa fil-ħajja komuni. Il-fatt li jkun sensittiv għall-ambjent u n-nies ta’ madwaru, tgħejnu jħoss il-preżenza t’Alla fil-ħolqien. Għall-kuntrarju n-nuqqas ta’ konnessjoni mal-ambjent u l-bżonnijiet tas-soċietà, minħabba r-rebgħa, twassal għan-nuqqas ta’ konnessjoni mal-Awtur tal-Ħolqien, li Hu il-bidu ta’ kull dinjità umana.
Barra minn hekk, konsegwenza tar-regħba, hemm nuqqas t’estetika fil-pajsaġġ Malti. L-iżvilupp ekonomiku ġab ħafna inġustizzji fil-komunità, u abbuż tal-ambjent li jinkludi l-abbuż tar-raba’, żieda fil-bini, żieda fil-polluzzjoni u s-sosstituzzjoni tal-estetika tradizzjonali tad-djar Maltin ma’ bini monotonu, gris u ikraħ. Ambjent ikraħ jaffetwa il-persuna u l-ħajja ta’ kuljum. Il-polluzzjoni tal-arja, tal-istorbju u tal-estetika taffetwa is-sensi umani kollha, u tiddisturba l-kwalità tal-ħajja. Inqas m’hemm art biex bniedem jista’ jirrilassa u jieħu pjaċir, inqas l-opportunità ta’ reġenerazzjoni personali.
Papa Ġwanni XXIII f’ Mater et Magistra 73 jafferma li “il-progress ekonomiku għandu jimxi id f’id mal-progress soċjali”. Għalhekk l-ekonomija, l-iżvilupp soċjali u d-dar komuni tagħna għandhom dejjem jiġu kkunsidrati flimkien, biex b’hekk ir-rispett tal-ambjent, tal-persuna u t’Alla, jafferma il-ġmiel tal-ordni fil-ħolqien. Kull ma jmur kontra din l-ordni, speċialment bl-inġustizzji, taffetwa l-persuna direttament,.
Papa Ġwanni Pawlu II fl’ Enċiklika Redemptor Hominis jisħaq li “kienet ir-rieda tal-Ħallieq li l-bniedem jikkomunika man-natura bħala sid u gwardjan nobbli w intelliġenti, u mhux bħala sfruttatur u qerrid”.
Benedittu XVI kompla fuq it-tgħalim tal-Papa Ġwanni Pawlu II, billi ppropona ekoloġija umana, li mhux biss tikkonsidra il-ġid tal-ambjent, imma tippromuovi ħajja dinjituża u paċifika fuq l-art.
F’ Laudato Si, il-Papa Franġisku jsostni li l-problema ekoloġika m’għandiex tiġi kkunsidrata biss mill-aspett politiku jew elkonomiku, u m’għandiex tinfired mill-Fidi, għaliex l-Iben t’Alla Innifsu ħa natura ta’ kreatura biex jifdina. Isostni wkoll li kollox fid-dinja minsuġ ħaġa waħda u għalhekk is-soluzzjonijiet għall-problemi ekoloġiċi għandhom jikkonsidraw id-dimensjonijiet kollha tal-eżistenza, u s-salvataġġ ta’ relazzjonijiet u reċiproċità mal-ħolqien kollu. Il-Papa jqis li fil-kriżi ekoloġika il-fqar u l-emarġinati huma fl-akbar riskju, għax minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi m’għandhomx il-kapaċità li jadattaw malajr ghall-bidla. Fi Fratelli Tutti il-Papa jirrepeti li “nindukraw id-dinja li fiha ngħixu tfisser nindukraw lilna nfusna”.
It-titjib tal-ambjent jinkludi it-titjib tas-soċietà. Dan iseħħ billi nippromuovu is-solidarjetà, il-fraternità u l-edukazzjoni, inwarrbu l-inġustizja u naħdmu għall-ġid komuni, jiġifieri naħdmu għall-ġustizja u l-karità, infittxu l-ugwaljanza soċjali, noħolqu opportunitajiet għall-edukazzjoni integrali u infittxu modi li joħolqu hbiberiji soċjali li jħadnu lil kulħadd.
Paċi u ġid,
Brigitte OFS
0 Comments