Le, mhux id-destin, iżda hija l-kurżita tal-ħajja li tagħtik id-daqqiet bil-ħarta tul ħajjtek kollha, kull meta tipprova tagħmel il-ġid. Bħala eżempju ċar huwa l-fatt kif miet Missierna Franġisku. Tant ipprova u ħadem biex iġib il-paċi u jara lil sħabu li jaqblu ma’ xulxin, u jgħixu bħall-aħwa, iżda miet … b’ġerħa kbira f’qalbu. Il-ferita kienet  li jara ħafna diżgwid fost ħutu l-patrijiet. Ma rridux nesaġeraw u ngħidu li l-ideal tiegħu ma rnexxhiex. Dettal dominanti li kidd ħafna ‘l Franġisku kien ‘il-vot tal-faqar’, jew li ħutu ma jkollhomx propjeta. Nistgħu ngħidu li l-ewwel Franġiskani kienu komunisti, iżda mhux antikristi, għax kienu jaqsmu kollox bejniethom. Fuq dal-punt il-Papa kellu raġun jgħid li d-dinja mhix magħmulha għall-Franġiskani biss. Iżda, ‘in fondo’ kien hemm affarijiet aktar serji minn dawk li jidhru.

Franġisku tant kien kbir u oriġinali li kellu xi ħaġa fih li n-natura għamlitu, wellditu bħala fundatur naturali ta’ muviment ġdid. Ħafna mis-segwaċi tiegħu kienu jaċċettawh bħala fundatur ta’ Ordni, u qatt ma rrealizzaw kemm kien bniedem ta’ ideali ġodda. Ma neħduhiex bi’ kbira. Għad hawn ħafna, illum il-ġurnata, ukoll ħutu, reliġjużi Franġiskani, li għadhom ma fehmux il-kobor ta’ Missierna Franġisku fil-ħsibijiet , l-idejat u l-qdusija. Allura għadhom mhux qed japprezzaw  il-valur  veru ta’ Franġisku. Storikament Franġisku qabbad fjamma ġewwa l-Italja li saret ħuġġieġa immensa, u li ħakmet lid-dinja kollha. Dil-ħuġġieġa ħarqet u kkunsmat iċ-ċivilta reliġjuża, id-drawwiet taż-żminijiet reliġjużi. Nxebbah lil Franġisku ma qatra ilma, bajda, ċara, nadifa li ntefgħet fl-oċejan iswed, maħmuġ u mniġġes. Xogħol Missierna kien li jnaddaf, jippurifika dak l-oċejan iswed … u rnexxielu. Fuq kollox dik kienet ix-xewqa, il-kmand jew talba tal-Mulej meta qallu: “Mur sewwi l-Knisja Tiegħi li qed tiġġarraf.” Hekk kien maħsub mill-eternita.

U din kienet il-problema li sab ma’ wiċċu il-Papa ta’ dawk iż-żminijiet.  Jew li l-Kristjaneżmu jassorbi, jixrob l-ideal ta’ Franġisku, JEW Franġisku jaċċetta l-Kristjaneżmu kif kien dak iż-żmien. Iżda l-qatra ilma, ċara u nadifa rebħet fuq l-oċejan iswed. Il-messaġġ ta’ Franġisku, fi kliem sempliċi kien li l-ideal tiegħu ikun mifhum ukoll mill-aktar bniedem sempliċi, jew idjota, u bla skola. Għalhekk ma tantx kien jinkoraġġixxi l-istudju u l-kotba. Dan kien il-messaġġ u l-ħolma ta’ Franġisku: ħsieb oriġinali, frisk u ġdid, f’dinja ġdida, oriġinali u friska. Qiesu twelid ta’ tarbija f’dar mudlama, iżda bit-twelid taghha t-tarbija warrbet is-swidija ta’ madwarha. It-tarbija jikber mingħajr ma jaf li huwa mdawwar bit-traġedji, u bl-innoċenza tiegħu jirbaħ din it-traġedja.

Ħuti, araw u apprezzaw  il-grazzja kbira li tana Alla: is-sejħa tagħna f’dan il-muviment, f’din l-Ordni Franġiskan Sekular.

Tony Mahoney ofs