“Fl-aħħar. Aħna aħwa” – il-Papa Franġisku lill-Patrijarka Kirill
Minn Stefan Pullicino – 13/02/16
Il-Kap tal-Knisja Kattolika u dak tal-Knisja Ortodossa Russa ilbieraħ iltaqgħu għall-ewwel darba bejniethom f’Kuba.
F’din il-laqgħa storika, il-Papa Franġisku laqa’ lill-Patrikarka Russu Kirill bil-kliem ”Fl-aħħar, aħna aħwa. Huwa ċar li din hija r-rieda t’Alla”.
Qabel ma għannqu, il-Papa rrepeta l-kelma “ħija” għal madwar 5 darbiet.
Għal dan, il-Patrijarka Russu Kirill wieġeb “Hija ħaġa sabiħa li qed niltaqgħu, minkejja d-diffikultajiet. Issa kollox se jkun iktar faċli”.
Iż-żewġ kapijiet iffirmaw dikjarazzjoni konġunta li “tħeġġeġ l-għaqda li jrid Alla” kif ukoll il-bżonn tad-dinja li tipproteġi lill-Insara li qed jiġu ippersegwitati fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika.
Jaċċenna għall-familji, irħula u bliet sħaħ li qed jiġu ippersegwitati minħabba r-reliġjon tagħhom fejn il-knejjes tagħhom qed jinqerdu b’modi mill-aktar barbari.
Dawn it-taħdidiet saru fl-ajruport ta’ Havana f’Kuba u damu madwar sagħtejn. Il-Papa Franġisku waqaf Kuba fi triqtu lejn il-Messiku.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara l-laqgħa, l-Patrijarka Kirill iddeskriva d-diskussjonijiet bħala miftuħa u ta’ fraternità. Il-Papa Franġisku sejħilhom taħdidiet sinċieri ħafna.
Iktar kmieni, l-Papa kellu wkoll laqgħa privata mal-President Kuban Raul Castro.
Il-Papa Franġisku fil-Messiku: Żjara li mistennija tindirizza l-problemi tal-vjolenza
Il-Papa Franġisku beda żjara ta’ ħamest ijiem fil-Messiku fejn se jdur diversi bnadi tal-pajjiż u, possibbilment, jiġbed attenzjoni għall-inkwiet – fil-parti kbira dovut għall-vjolenza u l-problemi ta’ immigrazzjoni — li qed jifni lis-soċjetà ta’ dan il-pajjiż li għandu t-tieni l-akbar popolazzjoni Kattolika fid-dinja.
Wara li niżel fil-Belt tal-Messiku, il-Kap tal-Kattoliċi ntlaqa’ fl-ajruport mill-President Messikan Enrique Pena Neto u l-mara tiegħu, waqt li mijiet ta’ eluf ta’ devoti mlew it-toroq biex jagħtuh merħba kbira.
Il-bidu tal-programm tal-Papa kien jinkludi taħditiet bejnu u l-President Pena Neto fil-Palazz Nazzjonali fil-Belt tal-Messiku. Dan l-avveniment hu sinifikanti, minn lat simboliku, għaliex ħadd mill-Kapijiet tal-Knisja preċedenti ma qatt kienu mistiedna biex jidħlu f’dan il-bini.
Iż-żjara tal-Papa tista’ tagħti ftit tan-nifs lill-President Messikan meta l-Messiku qed jiffaċċja l-problemi persistenti, fosthom l-irvell riċenti f’ħabs fil-limiti ta’ Monterrey fejn kienu mietu għexieren ta’ ħabsin.
L-impenji tal-Papa fil-Messiku jinkludu wkoll laqgħat mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, membri tal-korp diplomatiku u Isqfijiet Messikani. Sadanittant, hemm stennija kbira għall-pellegrinaġġ li l-Papa għandu jagħmel fil-Bażilika tal-Madonna ta’ Guadalupe li hi santwarju ewlieni għall-Kattoliċi.
F’din il-Bazilika hemm xbigħa tal-Madonna li ħafna Kattoliċi jqimu bħala waħda mirakoluza u wara li jiċċelebra l-quddies fl-inħawi, il-Papa mistenni jqatta’ xi żmien hemmhekk biex jitlob waħdu quddiem din ix-xbigħa.
Il-jiem li ġejjin se jkunu daqstant ieħor impenjattivi għall-Papa li se jżur uħud mill-aktar reġjuni fqar li huma magħrufa wkoll għall-vjolenza bla heda.
Qabel wasal il-Messiku, il-Papa qal li hu ma għandu l-ebda ħsieb li jipprova ‘jgħatti’ l-pjagi tal-vjolenza, il-korruzzjoni u l-kriminalità tal-gruppi tad-droga fil-Messiku meta din hi r-raġuni għalfejn hu għażel biex iżur, proprju, dawn l-ibnadi.
Il-programm tal-Papa jinkludi wkoll quddiesa bil-miftuħ għall-massa f’Ecatepec, li hu wieħed mis-sobborgi tal-Messiku ddominat mill-kriminalità u minn ‘epidemija’ ta’ omiċidji tan-nisa. Hu, ‘il quddiem, jiċċelebra quddiesa oħra fi Chiapas, li hu l-aktar Stat fqir tal-Messiku, u li se titmexxa fi tliet lingwi indiġeni.
Il-Kap tal-Kattoliċi, nhar it-Tlieta, iżur l-inħawi ta’ Morelia, il-kapitali tal-Istat ta’ Michoacan qabel jikkonkludi l-mawra bi żjara fi Ciudad Juarez, li sa ftit ilu kien magħruf bħala ‘l-kapitali tal-omiċidju’ tad-dinja u li jinsab man-naħa l-oħra tal-fruntiera minn Texas, fl-Istati Uniti.
0 Comments