Fil-11 t’Ottubru 2012 Bdiet is-sena tal-fidi mnedija mill-Papa Benedittu XVI bil-ħsieb li aħna l-insara nsiru aktar konxji mill-fatt li permezz tal-magħmudija tagħna aħna dħalna mill-bieb tal-fidi biex sirna membri tal-familja t’Alla li hija l-Knisja u mbarkajna fuq vjaġġ li jdum ħajjitna kollha u li għandu jwassalna biex ngħixu f’għaqda ma’ Alla Mħabba, liema vjaġġ għandu jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Din is-sena tal-fidi tispiċċa fl-24 ta’ Novembru 2013.

Biex iniedi din is-sena, nhar il-11 t’Ottubru 2011, il-Papa Benedittu ħareġ Ittra Appostolika bl-isem ta’ PORTA FIDEI, li bil-malti tfisser: IL-BIEB TAL-FIDI.

Ġiet magħżula d-data tal-11 t’Ottubru għax hija l-50 anniversarju minn meta beda l-Konċilju Vatikan II. L-iskop tal-Konċilju kien li jġedded il-Knisja u jagħtiha direzzjoni u stil ta’ ħajja li jkun relevanti u jagħmel sens fid-dinja tallum. Il-Knisja hija l-poplu, il-familja ta’ Alla miġbura flimkien fid-dinja u tinsab miexja lejn is-sema pajjiżha. Il-Knisja tiġbor fiha lilna midinbin u kontinwament tiġġedded permezz tax-xhieda li aħna l-insara li nemmnu, nagħtu bil-ħajja tagħna. Il-Knisja trid tidher fid-dinja bħala l-estensjoni ta’ Ġesù Kristu li bil-mewt u l-qawmien tiegħu tana l-qawwa li nirbħu d-diffikultajiet tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Id-data tal-11 t’Ottubru hija wkoll l-20 anniversarju minn meta ġie ppublikat il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Il-Katekiżmu huwa l-ġabra tal-kontenut tat-twemmin tagħna. Il-Katekiżmu huwa meħtieġ biex inkunu nafu x’inhu dak li aħna għandna nemmnu, x’inhuma l-veritajiet li għandhom idawwluna fit-triq tagħna li għandha twassalna biex niltaqgħu ma’ Alla u mal-oħrajn fil-vjaġġ tal-fidi fi ħdan il-Knisja.

Bl-għajnuna tat-tagħlim mogħti lilna fid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II u fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u fid-dawl tal-Kelma t’Alla li ddawwal il-ħajja tagħna, il-fidi tagħna tista’ tissaħħaħ u tgħinna biex nintelqu dejjem aktar f’idejn dik l-Imħabba li dejjem tikber għax l-għajn tagħha huwa Alla.

Mistiedna biex …

223-600xNoneMatul din is-sena tal-fidi, il-Papa qed jistedinna biex nagħmlu erba’ affarijiet:

1. niskopru mill-ġdid il-kontenut tal-fidi li nistqarru; f’dan ir-rigward il-Papa jħeġġiġna nagħmlu użu mill-Katekiżmu li huwa jiddeskrivih bħala “għajnuna prezzjuża u indispensabbli”;
2. niċċelebraw il-fidi tagħna fil-liturġija u b’mod partikulari fl-Ewkaristija li hija l-quċċata tal-ħajja tal-Knisja u fl-istesss waqt il-għajn li minnha tieħu l-enerġija tagħha;
3. ngħixu l-fidi li nħaddnu billi nagħtu xhieda dejjem akbar u kredibli; din is-sena għandha tkun okkażjoni f’waqtha biex inqawwu x-xhieda tagħna tal-imħabba li permezz tagħha nistgħu nagħrfu f’kull min jitlob l-imħabba tagħna il-wiċċ tal-Mulej Irxoxt;
4. nitolbu; din is-sena tal-fidi għandha tkun okkażjoni li ssaħħaħ ir-rabta tagħna ma’ Kristu l-Mulej, għaliex fiH biss tinsab iċ-ċertezza li biha nħarsu lejn il-futur u l-garanzija ta’ mħabba vera li tibqa’ għal dejjem.
Nistgħu ngħidu li dan li qed niġu mħeġġa nagħmlu huwa li nerġgħu niskopru mill-ġdid u ngħixu l-istil ta’ ħajja li kienu jgħixu l-ewlenin insara li dwarhom, San Luqa, fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, jgħidilna li “kienu jżommu sħih fit-tagħlim tal-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb”. (Atti 2, 42)

“Matul din is-sena, kull min jemmen għandu jiskopri mill-ġdid il-kontenut tal-fidi li jistqarr, jiċċelebra, jgħix u jitlob.”
(Porta Fidei, paragrafu 9)

Il-frott ta’ din is-sena għandu jkun li niskopru għalina nfusna u li nuru quddiem l-oħrajn is-sbuħija tal-mixja wara l-Mulej Ġesù permezz tax-xhieda li nagħtu tat-twemmin nisrani tagħna: fil-familja, fil-professjoni, fil-ħajja pubblika, fil-qadi tal-kariżmi u ministerji li għalihom inkunu msejħin.
F’dan kollu, il-familja għandna rwol ta’ mportanza u dan mhux biss għax il-familja hija ċ-ċellola bażi tas-soċjeta, iżda wkoll għax fil-familja nisranija, “il-Knisja ssib il-bennina u l-ambjent fejn hi tista’ tidħol fil-ġenerazzjonijiet tal-bniedem, u fejn dawn min-naħa tagħhom ukoll jidħlu fil-Knisja”. (Familiaris Consortio, paragrafu 15) Il-familja mhix biss oġġett tal-evanġelizzazzjoni imma hija stess, waqt li tiġġedded fil-fidi, tevanġelizza lis-soċjetà. Matul din is-sena tal-fidi, kull familja nisranija għandha tiskopri mill-ġdid il-fidi biex tkun tista’ tħabbar l-evanġelju, tidħol fi djalogu ma’ Alla u ssaħħaħ ir-rabta tagħha ma’ Kristu l-Mulej waqt li tiċċelebra l-ewkaristija, u timpenja ruħha għall-għajnuna tal-bnedmin.

Nistgħu ngħidu li …?

Waqt li qegħdin nagħtu bidu għal din is-sena speċjali, fid-dawl ta’ dan li għidna sa issa, forsi jkun tajjeb li nibdew nirriflettu billi nistaqsu lilna nfusna xi ftit domandi.
Fil-familji tagħna qed nagħtu valur veru lill-Kelma t’Alla, lill-Iskrittura? X’post għandu l-qari u r-riflessjoni dwar il-Kelma t’Alla fil-ħajja familjari tagħna? Il-Bibbja tagħna, fejn qegħda: fuq l-ixkaffa jew f’idejna?

Biex nieħdu eżempju: il-Kelma li tixxandar lilna kull nhar ta’ Sibt jew Hadd, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiea, qed tkun suġġett li nitkellmu dwaru wara li nirrintornaw lura mill-Quddiesa tal-Ħadd? Naraw flimkien kif il-qari li nkunu smajna nistgħu inpoġġuh fil-prattika tal-ħajja ta’ kuljum għal ġimgħa li tkun ġejja?

Nagħtu mportanza lil dak li tgħallem il-Knisja dwar il-Fidi Nisranija? U dan ma jsirx biss billi nibagħtu lit-tfal għad-duttrina! X’post għandu, jekk għandu, l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika fil-ħajja tal-familja tagħna? Infittxu li nitgħallmu dwar il-konenut tal-fidi tagħna? Jew dan narawh bħla xi ħaġa żejda u bla bżonn? Infittxu għajnuniet biex naġġornaw u niffurmaw ruħna?

Qegħdin nagħtu post ta’ mortanza kbira liċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija kull nhar ta’ Sibt jew Ħadd? Il-Quddiesa tal-Ħadd hija għalina ċelebrazzjoni familjari? Jew kulħadd għal rasu? Dak li nkunu għamilna, rajna, smajna waqt din iċ-ċelebrazzjoni, ikun suġġett tad-diskussjoni tagħna b’mod li l-quddiesa tkompli fil-ħajja tagħna fil-familja u lil hemm minnha?

Qegħdin nagħtu xhieda ta’ ħajja tassew nisranija mibnija fuq l-imħabba li hija l-espressjoni konkreta tal-fidi nisranija? Il-fidi tagħna hija waħda ħajja murija fl-għemil tagħna, fl-imġieba ta’ bejnietna, fil-mod kif nittrattaw mal-oħrajn? Naraw fil-qadi fidil tad-dmirijiet tagħna servizz mogħti lill-komunitá? L-obbligi soċjali tagħna, nonorawhom? Jinteressawna l-bżjonnijiet tal-oħrajn? Jidħlu dawn il-bżonnijiet fil-ħsieb, fit-talb tagħna, bħala familja? Nippruvaw ninvolvu ruħna f’inizjattivi b’risq l-oħrajn fil-parroċċa jew f’postijiet oħra?

Alla u r-rieda tiegħu għandhom post importanti fil-ħajja ta’ kuljum tal-familja tagħna? It-talb huwa parti essenzjali u integrali fil-ħajja familjari tagħna? Jinħass preżenti Alla fid-dar tagħna? Huwa gost tagħna li nħossuna fil-preżena tiegħu, imwensin minnu, bħalma huwa gost tiegħu li jkun magħna?
Ejjew, matul din is-sena, nagħmlu tagħna t-talba ta’ dak il-missier tal-Vanġelu li kellu lil ibnu marid: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!” (Mk 9,24) Ġesù ma jieqafx jagħmel ħwejjeġ kbar ma’ dawk li għandhom il-fidi. Iżda huwa jistenna fidi sħiha min-naħa tagħna. Il-fidi tagħna fih hija essenzjali għax inkella jista’ jiġrilna bħan-nies ta’ Nażaret fejn Ġesù m’għamilx ħafna mirakli minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom. (Mt 13,58).