X’inhi r-raġuni li persuna żżomm f’qalbha u ma taħfirx? Bla dubju, fost diversi raġunijiet, l-aktar waħda reali hija l-fatt li ma tkunx trid titbaxxa quddiem dik il-persuna. Ħafna jagħmlu hekk biex ma jidhrux dgħajfa però il-verità hija li min jaħfer hu tabilħaqq qawwi u sod. Infatti, x’inhu l-aktar faċli li taħfer jew li ma taħfrix?

Jekk nagħżlu li ma naħfrux inkunu qed nagħżlu l-eħfef triq li ma trid ebda sforz. Imma jekk mill-banda l-oħra nagħmlu sforz u naħfru, nuru kemm aħna b’saħħitna mhux biss moralment imma ukoll spiritwalment. Fuq kollox, Alla wera l-qawwa tiegħu proprju fil-mezz li sab għall-maħfra ta’ dnubietna – Ġesù.