Il-Festa ta’ Kristu Re
Nhar il-Ħadd li ġej, 20 ta’ Novembru, il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ Kristu Re. Din il-festa, li taqa’ fl-aħħar Ħadd tas-sena liturġika, jiġifieri l-aħħar Ħadd qabel l-ewwel Ħadd tal-Avvent, ġiet istitwita mill-Papa Piju XI fl-1925, fl-enċiklika Quas Primas, sabiex tirrikonoxxi s-supremazija ta’ Ġesù Kristu fuq il-bnedmin u l-ġnus kollha. Kristu huwa tassew is-Sultan tagħna: is-saltna Tiegħu hija s-saltna tal-ħajja li tirbaħ fuq il-kultura tal-mewt u l-qerda u toffri ħajja li ma tintemmx; hija s-saltna tal-qdusija li tressaq lill-bniedem lejn Alla; hija s-saltna tal-imħabba li twaqqa l-ħitan tal-mibgħeda u l-għira, li taħfer u tagħder u twettaq il-ġid.
Aħna niddikjaraw lealtà lejn is-Sultan tagħna bil-kwalità tal-impenn Kristjan tagħna, bil-mod kif aħna nimitaw l-imħabba altruwistika ta’ Kristu. Kristu hu Sultan b’missjoni ta’ ħelsien. Huwa hu li jeħlisna minn kull tip ta’ jasar, li jippermettilna ngħixu fil-paċi u hena, u jwiegħdna l-wirt ta’ ħajja eterna miegħu. Kristu jgħidina, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.’
X’inhi s-Saltna ta’ Kristu Re?
Is-Saltna ta’ Kristu Re hija spazju: teżisti f’kull dar fejn il- ġenituri u t-tfal iħobbu lil xulxin, f’kull parroċċa u f’kull reġjun, fejn l-umanità tieħu ħsieb id-dgħajjef u l-vulnerabbli tagħha. Is-Saltna ta’ Kristu Re hija żmien: f’kull mument meta xi ħadd jitma’ persuna bil-ġuħ, jew jagħti kenn lil persuna bla dar, kull meta n-nies jingħaqdu fil-ġlieda biex jegħlbu l-faqar u l-ħazen.
Is-Saltna ta’ Kristu Re tinstab fil-passat: fil-ħajja u l-ħidma ta’ Ġesù ta’ Nazaret; fil-preżent: fil-ħidma tal- Knisja; u fil-futur: fit-tama tal-qawmien tagħna. Is-Saltna t’Alla hija kundizzjoni: is-sintomi tagħha huma l-imħabba, il-ġustizzja u l-paċi. (ref. Gerald Darring).
Din hija s-salta ta’ Kristu Re, mhijiex idea astratta imma esperjenza tal-preżenza ta’ Alla f’qalbna u fid-dinja permezz ta’ ħajja ta’ talb u karità. Għalhekk, f’din il-festa kbira ta’ Kristu Re, ejjew niddeċiedu li nagħtuH il-post ċentrali f’ħajjitna.
Paċi u Sliem,
Mariella Spiteri Gonzi ofs
0 Comments