L-AĦBAR IT-TAJBA, IT-TĦABBIRA, 1970
Niżżi ħajr ‘l Alla li kemm ili npitter (‘l fuq minn 850 kwadru), persentaġġ kbir minnhom huma kollha spiritwali, b’aspett mistiku. Waħda mill-favoriti tiegħi hija dik imsejjħa, ‘It -Tħabbira (The Annunciation), li pittirt fis-sena 1970, u li hi riprodottha. Għandna dak il-mument solenni ta’ meta l-Arkanġlu Gabrijel qed iħabbar lit-tfalja Marija li kellha tkun Omm Alla.
Kwadru fin, qiesu tad-djamanti, li jġib l-anġlu maqtugħ mill-art , ‘l fuq minn Marija, li hija wkoll maqtugħha mid-dinja f’estasi tal-misterju u ferħ. L-anġlu qed jagħtiha l-messaġġ, li hi qed tilqa’ bil-ferħ, b’idejha t-tnejn miftuħin.
Bil-kemm jidher, bejniethom, ‘l bogħod jidher wiċċ ikreh ta’ Satana, għax għalih dan kien messaġġ li se jkompli jniżżlu aktar ‘l isfel fid-disperazzjoni. Xejn mhu ċar, għax trid tuża l-immaġinazzjoni.
Marija liebsa kulur roża, kulur mimli mħabba u fuqha mantel trasparenti abjad. Gabrijel huwa mpitter bl-abjad biss, għax m’hemmx rabtiet mad-dinja, eterju, ta’ barra min-dinja.
Gabrijel xi jfisser?
Bl-Ebrajk, Gabrijel ifisser ‘Alla Huwa s-saħħa tiegħi’ jew ‘Alla Huwa r-raġel qawwi tiegħi’. Ifisser ukoll ‘l-eroj t’Alla’. Fit-twemmin tagħna huwa jfisser ‘dak li jwassal aħbar tajba ħafna’. L-oriġini ta’ Gabrijel huwa ffurmat minn żewġ kelmiet Ebrajki: ‘gever’ li jfisser ‘eroj’, jew ‘bniedem b’saħħtu’; u ‘el’ li jfisser Alla.
Fl-Iskrittura jissemmgħu ukoll l-Arkanġli Mikiel u Rafael. Għalkemm ‘l Gabrijel nsemmgħuh fit-Tħabbira ta’ Marija, iżda huwa msemmi darbtejn oħra fil-Ktieb ta’ Danjel, fir-Rabta l-Qadima, meta nterpreta l-viżżjonijiet ta’ Danjel dwar il-futur. Ħafna jaħsbu li kien ukoll Gabrijel li ħabbar it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista lil Żakkarija (għalkemm San Luqa ma jsemmieħx b’ismu).
Interessanti li fit-Tradizzjoni Musulmana, jgħidu li Gabrijel ispira ‘l Mawmettu biex jikteb il-Koran. Jekk int Kattoliku jew Musulman, napprezzaw li Gabrijel huwa isem li għandu storja twila warajh, u fl-istess waqt hemm misterju dwaru.
Għaliex għandna nixbħu ‘l Gabrijel?
3 Kull wieħed minnha għandu jkun devot tal-Arkanġlu Gabrijel. Kemm hi haġa sabiħa, tajba u ta’ unur, li meta nikkwotaw xi persuna, nikkwotawh fil-ġid. Kemm nixtieq li min isemmini jgħid: ‘Tony dejjem jagħtini xi aħbar tajba’. Fl-istess ħin jagħlaq għajnejh għall-ħafna difetti kbar li għandi. Nitolbu lil Arkanġlu Gabrijel li nkunu nies, persuni li minn fommna dejjem joħroġ xi aħbar tajba … fl-istess waqt inkunu nixbħu ‘l Kristu.
Tony Mahoney ofs

Niżżi ħajr ‘l Alla li kemm ili npitter (‘l fuq minn 850 kwadru), persentaġġ kbir minnhom huma kollha spiritwali, b’aspett mistiku. Waħda mill-favoriti tiegħi hija dik imsejjħa, ‘It -Tħabbira (The Annunciation), li pittirt fis-sena 1970, u li hi riprodottha. Għandna dak il-mument solenni ta’ meta l-Arkanġlu Gabrijel qed iħabbar lit-tfalja Marija li kellha tkun Omm Alla.
0 Comments