QALU LI PIETRU KIEN FIS-SAKRA B’INBID ĠDID ? (AA 2:13)

U Pietru, li madwaru kien hemm l-aħwa, għolla leħnu u qal: ‘Aħna popli minn mitt ġens, smajnieh – kulħadd semgħu bil-lingwa tiegħu – jien u intom, kulħadd semgħu u fehemu bl-ilsien tiegħu. Hu kellimna dwar Kristu Ġesu, dwar l-Ispirtu s-Santu u dwar il-Missier.’

X’dikjarazzjoni, x’kuraġġ, x’wiċċ sfieq … iżda ma tistenniex aħjar minn Pietru. Kulħadd kien jaf kemm kien prużuntuż, melħa, jidħol fejn ma jesgħux. Iżda l-meravilja hi mhux dak li qal jew stqarr, iżda li dak il-ħin ħadd ma ħatfuh, ħadd ma ħaġġru.  Ma waddbuhx il-ħabs. Mhux biżżejjed. Minn dawk li semgħuh kien hemm tlett elef li kkonvertew u tgħammdu. X’ġara? Sar miraklu? X’fettillu Pietru?

Huwa hawn li għandna niftħu għajnejna, għax kif ngħidu bil-Malti ‘qed ikollna biskuttini f’ħalq il-ħmir’. U aħna lkoll il-ħmir meta ma napprezzawx dan il-ġid, il-grazzji kbar, l-għajnuna, meta nkunu ‘maħkuma’ mill-Ispirtu t’Alla. Forsi m’għandniex tort sa’ barra, għax l-Ispirtu jaħdem,  jaħkem b’mod doċli, b’ċerta ġentilezza. Le, meta l-Ispirtu jaħkmek ma jagħtiks ‘xokk’, jew x’imbuttatura qawwija li jaħsdek, allura tinduna u tgħid ‘Hawn Hu l-Ispirtu s-Santu, ħakimni’. Xejn minn dan. Trid tintelaq kompletamnet, totalment fir-Rieda t’Alla, b’mod ġenwin … u mingħajr l-ebda skossi, u l-Ispirtu t’Alla jaħkmek. Xogħol l-Ispirtu huwa li jgħinek, li jdawwalek moħħok, Dak li jimlik bil-kuraġġ, li jsolvilek il-problemi, li jneħħilek it-toqol minn fuq qalbek, li jgħinek tagħmel dak li qatt ma kont kapaċi tagħmel. Araw ‘l Pietru, veru li kien bully, iżda twerwer meta qalulu li kien Galilew, u ħalef li ma kienx jaf lil Kristu. U ISSA akkost ta’ kollox kixef sidru, kif ngħidu bil-Malti, u tkellem dak li poġġilu fuq fommu l-Ispirtu. Hekk insiru meta nintelqu għall-qawwa tal-Ispirtu. Hekk ngħidu fit-talba :”Inti l-aqwa faraġ tagħna, fik kull hena xħin tkun magħna, tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.” U sabiħa wkoll: “Mingħajr dawlek li jmexxina ebda ħajr ma jkun hemm fina, ebda safa fil-għemil.” Bl-għajnuna tal-Ispirtu naraw u nifhmu aktar ċar, dak li deher impossibli qabel sar possibbli … u qegħdin ngħixuh. Jissejjaħ ukoll ‘paraklitu’ Mill-grieg ‘para’ tfisser fuq quddiem, għalhekk aħna ngħidu parafangu, għax qiegħed quddiem ir-roti biex jilqa’ t-tajn. Il-Paraklitu Huwa fuq quddiem biex jeħlisna mill-għawġ, biex jiddefendina, biex it-triq jagħmilhielna aktar faċli … x’iżjed? Għalhekk qabel għidt ‘biskuttini f’ħalq il-ħmar’ għax m’aħniex napprezzaw. Għandna rigal li lanqas biss ftaħnieh biex naraw x’fih. Il-mod ħelu li l-Ispirtu jaħmek insibuh fl-Atti tal-Appostli, apparti minn postijiet oħra, meta Pawlu u Silas kienu l-ħabs, u l-Anġlu t’Alla ħallilhom l-irbit mill-ktajjen u fetħilhom il-bieb tal-ħabs. L-għassies tagħtu rasu għax ħaseb li ħarbu, u ħareġ ix-xabla biex ineħħi ħajjtu. Pawlu ma ħalliehx u qallu li huma qegħdin hemm.  L-għassies intefa’ għarkobbtejh quddiemhom, ħadhom id-dar tiegħu, ħaslilhom riġlejhom, temagħhom u kkonverta, huwa u l-familja kollha. Qed naraw b’liema mod ħelu, doċli jaħdem l-Ispirtu t’Alla.

“Mingħajr dawlek li jmexxina ebda ħajr ma jkun hemm fina.” Għat-tieni darba erġajt ikkwotajt dal-vers. Għax tassew jekk ma nsirux bħal tfal li nafdaw ‘l Alla, l-Ispirtu t’Alla, kif jafdaw it-tfal lil missierhom, u jabbandunaw ruħhom fl-imħabba tiegħu, ma naslux għall-maturita spiritwali. Meta naslu, ma nixbgħux nirringrazzjaw ‘l Alla għal-imħabba, għall-ħniena t’Alla lejna.

 

Tony Mahoney, OFS