Il-maħbuba dejjem tgħix dik l-esperjenza qawwija li tkun, f’kull sekonda, maġenb il-maħbub tagħha. Fil-ħemda siekta tal-lejl, il-ħsibijiet tagħha huma dejjem fuqu.

Bl-aktar mod ħelu ssejjaħlu ismu, u meta għajnejha jmorru biha toħlom dwaru, li qed jersaq lejha biex iħaddanha miegħu. Hekk insibu fl-‘Għanja tal-Għanjiet’ (8:3): ‘Bi driegħu tax-xellug iwieżen rasi, u bil-lemin igħannaqni.’ Bil-maqlub, kemm tħossha mdejjqa  mitlufa sakemm tirċievi xi messaġġ minn għandu. Imbagħad, meta tisma’ leħnu, jaqbadha tferfir ma’ ġisimha kollu. Tmur tiġri tiftaħ il-bieb, iddawwar il-pum u tiftaħ il-bieb … iżda l-maħbub tagħha m’għadux hemm.

Sparixxa, u qalbha ma tistrieħx qabel ma tarah. “Ħadu lil Sidi, u ma nafx fejn qegħeduh.” (Ġw. 20:13) Hekk qalet Marjam ta’ Magdala waqt li d-dmugħ ġelben ma ħaddejha. Kull min jitlef il-maħbub, hekk iħossu, bħalma ġralhom id-Dixxipli ta’ Emmaws. “Imbeżżgħin u b’wiċċċhom fl-art, semgħu l-irġiel jgħidulhom: ‘Għax qegħdin tfittxu lil min hu ħaj minn fost il-mejtin?’ (Lq.24:5)

Din hija l-esperjenza, stampa ċara, ta’ kif iħossu l-bniedem, li jitlef il-maħbub, jitlef lill-ħajjtu stess. Mal-maħbub, jew maħbuba, is-swidija tal-lejl tinbidel f’jum sabiħ; inżul ix-xemx tinbidel fi sbieħ il-jum; l-uġigh tal-ħlas jinbidel fi’ dmugħ ta’ ferħ u tbissim. “Ibqa magħna ..” talbuh bil-ħniena, waqt li Kristu għamel ta’ bir-ruħu li se jibqa’ sejjer.

It tweġiba Tiegħu tahilhom ( … u ta lilna, l-aktar f’dawn iż-żminijiet): “Jien nibqa’ magħkom għal dejjem sal-aħħar tad-dinja.” Forsi jkun hawn min jistaqsi: ‘Għailex iħalliha weħedha ‘l maħbuba?’ Aħna lkoll il-maħbubin ta’ Kristu, iżda l-verita hi li mhux Hu jħallina weħedna, iżda aħna nitbigħedu minnu, għax il-bniedem huwa kapriċċjuż. Araw daż-żmien, kulħadd qed jersaq lejH! Ejjew inkunu bħal Marjam, dejjem lesti li nisimgħu leħnu, jew bħad-dixxipli ta’ Emmaws, nagħarfuH fil-Qsim tal-Ħobż u nitolbuH:

‘Għinna nisimgħu leħnek fl-Iskrittura u nagħrfuK fil-Qsim tal-Ħobż’. B’hekk biss ngħixu l-esperjenza li ma nitilfu qatt lill-maħbub tagħna.”

Tony Mahoney OFS