Għall-okkażjoni tas-sena tal-Fidi (2012-2013), ma kienx biss il-Papa Benedittu li kitbilna Ittra Appostolika li permezz tagħha ħeġġiġna biex niskopru mill-ġdid u ngħixu b’ħeġġa akbar u b’entużjażmu l-fidi li nistqarru; anke l-Isqfijiet tagħna kitbulna Ittra Pastorali u f’din l-Ittra, huma stednuna biex neżaminaw l-istat tal-Fidi tagħna … naraw f’hiex aħna fl-għixien tal-Fidi li nistqarru. Huma qalulna: “Tajjeb li … naraw f’liema kategorija ta’ Nsara aħna -u l-familja tagħna- qegħdin. Kemm hemm bżonn naraw il-Fidi tagħna fejn waslet.”
Waqt li l-Isqfijiet tagħna għamlulna din l-istedina biex neżaminaw il-livell tal-fidi tagħna, huma fakkruna wkoll li l-fidi titlob minn għażla. Bażikament, l-għażla tal-fidi hija l-għażla ta’ Alla. “Irridu nibdew l-ewwel mill-fatt li aħna nagħmlu l-ewwel att ta’ fidi: ‘Alla jeżisti’.” U darba aħna naghmlu dan l-att ta’ fidi, din l-għażla, allura, mbagħad, irridu nkunu lesti “noħolqu spazju għal dan Alla” fil-ħajja tagħna.
U hawn jiġu żewġ mistoqsijiet fundamentali: Min hu dan Alla għalija personalment u għall-familja tiegħi? X’post għandu dan Alla f’ħajti u fil-ħajja tal-familja tiegħi?
Min int, Mulej?
Flimkien mal-Appostlu Pawlu, fit-triq ta’ Damasku, aħna wkoll induru lejn il-Mulej Alla tagħna u nagħmlulu din id-domanda: Int min int, Mulej? Flimkien ma’ Mosè, fuq il-Muntanja Ħoreb, aħna wkoll nistaqsuh: X’jismek?
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (KKK) jibda biex jgħidilna:
L-istqarrija tal-fidi tagħna tibda minn Alla għax Alla hu “l-Ewwel u l-Aħħar” (Is 44,6), il-Bidu u t-Tmiem ta’ kollox. Il-Kredu jibda b’Alla l-Missier, għax il-Missier hu l-Ewwel Persuna divina; il-Kredu tagħna jibda bil-ħolqien tas-sema u l-art, għax il-ħolqien hu l-bidu u l-pedament ta’ l-għemejjel kollha ta’ Alla. (KKK paragrafu 198)
Għax Alla hu Ħallieq, allura huwa Sid il-Ħajja, dak li mingħajru xejn ma jista’ jkun; dak kollu li jeżisti ġej kollu minnu. Huwa s-Sid assolut ta’ dak kollu li jeżisti. Alla juri lilu nnifsu lil Mosè bħala JAĦWEH – IL-JIEN LI JIEN (Eżodu 3, 13-15). Bir-raġun kollu, mela, l-ewwel u l-akbar kmadament jibda hekk: “Isma’ Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu.” Hu ‘il fuq minn kulma jeżisti, ‘il fuq minn dak kollu li jiġri; kollox jgħaddi imma Hu jibqa’. (Salm 102, 27-28)
Lil Abraham, Alla jurih lilu nnifsu bħala dak li jipprovdi; fuq il-muntanja, fejn huwa ġie mitlub minn Alla biex joffrilu lil ibnu Iżakk, Abraham semma dak il-post: “Jaħweh-jire, jiġifieri, il-Mulej jipprovdi”. (Ġenesi 22, 14) Aktar tard, Alla juri lilu nnifsu lil Mosè bħala “Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà.” (Eżodu 34, 6) U s-salmista jmur ixebbah lil Alla ma’ missier: “Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biza’ tiegħu” (Salm 103, 13), u jmur isejjahlu: “Missier l-iltiema u difensur tar-romol”. (Salm 68, 6)
U matul is-snin, il-poplu ta’ Israel “kellu jifhem, permezz tal-profeti, li kien ukoll għall-imħabba, li Alla qatt ma waqaf li jsalvhom (ara Isaija 43, 1-7) u jaħfrilhom l-infedeltajiet tagħhom u dnubiethom (ara Hosgħa 2).” (KKK paragrafu 218)
Fl-aħħar nett, meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla wriena lilu nnifsu bħala MISSIER l-IMĦABBA safja – l-imħabba li qatt ma tiġi nieqsa, li qatt ma tehda taħfrilna, li qatt ma titlaq weħidhom lil dawk li jfittxuh. Dan huwa dak li b’mod abbundanti jurina Ġesù fit-tagħlim tiegħu. Dan huwa l-mod kif id-dixxiplu l-maħbub jiddefinixxi lil Alla: “Alla huwa Mħabba.” (1 Gwanni 4, 8 u 16)
“Din l-imħabba tegħleb l-agħar infedeltajiet (ara Eżek 16; Hos 11); tasal għall-għoti tad-don l-aktar għażiż: ‘Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni’ (Ġw 3,16).” (KKK paragrafu 219)
Sa fejn twassalna l-fidi f’Alla waħdu
It-twemmin f’Alla Waħdu, u li tħobbu b’kull ma int, għandhom konsegwenzi tassew kbar għal ħajjitna kollha:
♦ Ifisser tagħraf il-kobor u s-setgħa ta’ Alla. “Iva, Alla hu hekk kbir li anqas nifhmuh” (Ġob 36,26). Hu għalhekk li Alla għandu jkun dak “li jiġi moqdi l-ewwel”.
♦ Ifisser tgħix bi spirtu ta’ radd il-ħajr. Jekk Alla hu Alla Waħdu, kull ma aħna u kull ma għandna ġejjin minnu: “X’għandek li ma ngħatalekx?” (1 Kor 4,7). “Xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?” (Salm 116,12).
♦ Ifisser l-għarfien ta’ l-għaqda u d-dinjità vera tal-bnedmin kollha. Ilkoll ġew maħluqin “fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla” (Ġen 1,26).
♦ Ifisser l-użu tajjeb ta’ kull ħaġa maħluqa. Il-fidi f’Alla l-waħdieni twassalna biex nużaw kull ħaġa li m’hijiex Alla skond il-qjies li bih tressaqna lejn Alla, u nitbiegħdu minnha skond il-qjies li bih tbegħedna minn Alla (ara Mt 5,29-30; 16,24; 19,23-24).
Mulej tiegħi u Alla tiegħi, ħudli kull ma jbegħedni minnek. Mulej tiegħi u Alla tiegħi agħtini kull ma jressaqni lejk. Mulej tiegħi u Alla tiegħi, ħollni minni nnifsi biex ningħata lilek kollni kemm jien.
♦ Ifisser tafda f’Alla f’kull ċirkustanza, fit-tiġrib ukoll. Talba ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù (ta’ Avila) dan tfissru b’mod tassew tal-għaġeb:
Jalla xejn ma jħawdek, jalla xejn ma jbeżżgħek. Kollox jgħaddi; Alla biss ma jitbiddilx. Is-sabar jikseb kollox. Min għandu ‘l Alla ma jonqsu xejn. Alla waħdu biżżejjed.
(KKK paragrafi 222 sa 227)
Għażla
Fid-dawl ta’ dan li għidna, bir-raġun kollu, fl-Istqarrija tal-Fidi (Il-Kredu), aħna nibdew biex nistqarru li dan Alla tagħna huwa Alla wieħed, Missier li jista’ kollox. Alla huwa l-Missier li jħobbna bi mħabba tal-ġenn. U għalhekk, flimkien mal-Appostlu Pawlu, aħna ninżlu għarkubbtejja quddiem il-Missier li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art. (Efesin 3, 15) Kif ngħidu f’waħda mit-talbiet tal-barka tal-aħħar fiċ-ċelerazzjoni tas-sagrament tal-magħmudija, Alla tagħna huwa “l-Mulej li jista’ kollox, li jagħti l-ħajja tal-art u tas-sema.” Dan ifisser li dak kollu li aħna u għandna nafuh lilu biss. Dan ifisser li mingħajru m’aħna xejn, ma nistgħu nagħmlu xejn.
Il-fidi tagħna timbuttana biex aħna nagħmlu GĦAŻLA. Kif qalulna l-Isqfijiet tagħna fl-Ittra Pastorali għal din is-sena, din l-għażla tfisser li “nagħtu lil Alla … il-ħin u l-attenzjoni: il-kumplament lest li jagħtihulna Hu. Din hija l-fidi. Din hija l-ġenerożità tal-Mulej.”
Il-bniedem ġust jgħix bil-fidi … u bis-saħħa tal-fidi, aħna nirbħu d-dinja; bis-saħħa tal-fidi, aħna ngħixu fl-imħabba t’Alla. U l-imħabba t’Alla hi “li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal; għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna. (1 Ġwanni 5, 3-4) Li tagħżel lil Alla jfisser li tagħtih spazju; ifisser li Alla jkollu post importanti -anzi l-ewwel post- fil-ħajja tiegħek u fil-ħajja tal-familja tiegħek; ifisser li fih tafda u lilu tqim u tobdi għax kollox minnu ġej u mingħajru ma jista’ jsir xejn.
0 Comments