- Il-Ġabra Speċjali li għamilna fil-Quddies tas-Sibt u l-Ħadd li għadda b’risq il-Knisja kienet ta’ €624.72. Kif tistgħu taraw, ix-xogħol fuq barra miexi sewwa, waqt li ix-xogħol fuq ġewwa mistenni jibda’ fis-6 ta’ Jannar, 2014, għalkemm il-ġebel tal-kolonni ser jibdew jinħadmu minn issa fil-workshop ta’ Agius Stoneworks. S’issa nġabbret is-somma sabiħa ta’ €51,480. Minnhom diġa’ tħallsu €8,377. Din il-ġimgħa ser isir ħlas ieħor ta’ €6,204 u jibqa’ bilanċ ta’ €36,899 mill-flus miġbura s’issa. Għandna tama kbira li l-kumplament tal-flus li għandna bżonn biex inħallsu l-proġett kollu, nilħqu niġbruhom sal-aħħar ta’ Marzu, meta mistenni jispiċċa x-xogħol. Grazzi mill-qalb lill-dawk kollha li b’xi mod jew ieħor qed jgħinu sabiex dan ix-xogħol li bdejna bil-għajuna t’Alla nwassluħ fit-tmiem b’wiċċ il-ġid.
- Il-Grupp ‘ Emmaws’ javża li nhar it-Tlieta 10 ta’ Diċembru, fis-6.30pm, ġewwa ċ-Ċentru Parrokkjali Sant’Antnin, se jinżamm il-Kapitlu Elettiv tal-Ordni Franġiskan Sekular, biex jintgħażel il-Kunsill tal-Fraternita’ fi ħdan il-Parroċċa tagħna. L-aħwa huma kollha mħeġġa sabiex jattendu.
- Nhar l-Erbgħa wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija, ħdejn l-Uffiċċju Parrokkjali, nibdew il-provi tal-Kant għall-festa tal-Milied. Il-membri tal-Kor Parrokkjali huma mħeġġin sabiex jattendu. Min jixtieq jista’ jingħaqad magħna.
- Nhar il-Ħamis 12 ta’ Diċembru, it-tieni Ħamis tax-xahar, ser issir viżta għall-Isptar San Vinċenż De Paul. Dawk li huma interessati jkellmu lill-membri tal-Kummissjoni Parrokkjali Anzjani. Tluq mis-Savoy Bus Stop fid-9.30am.
- Il-Fratellanza tas-Santissimu Sagrament tfakkar li qed torganizza irtir ta’ ġurnata, nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru, ġewwa Porziuncola Retreat House. Ikollna magħna lil P. Joe Buttiġġieġ ofm.cap. Tluq fid-8.45am minn ħdejn is-Savoy Bus Stop u niġu lura għall-ħabta tal-4.30pm. Min jixtieq jiġi, jikkuntattja lis-Sur Tony Terribile, sa nhar it-Tnejn 9 ta’ Diċembru.
- Nhar il-Ħadd li ġej, wara l-Quddiesa tad-9.30am, se tinfetaħ il-wirja tal-Milied magħmulha mit-tfal. It-tfal jistgħu jġibu l-affarijiet tagħhom nhar il-Ħamis li ġej bejn il-5.00pm u s-5.45pm fil-kappellun ta’ San Ġirolmu.
- Il-Kummissjoni Parrokkjali Tfal qed torganizza żewġ attivitajiet għat-tfal. L-ewwel waħda fiċ-Ċentru Parrokkjali Sant’Antnin, nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru, bejn it-3.00pm u s-6.00pm, u l-oħra s-Sibt 28 ta’ Diċembru, ħarġa ta’ ġurnata f’Popeye’s Village għall-familja kollha. Min huwa interessat jara l-posters li hemm fin-notice board tal-Knisja.
- Attivita’ b’risq il-Festa. Fuq iz-zuntier qed isir il-bejgħ tal-Punsjetta. Min jixtieq, jista’ jħallas waħda biex inżejnu biha l-Knisja. Qed issir ukoll lotterija ta’ presepju maħdumb l-idejn. Il-qliegħ kollu ser imur b’risq ir-restawr tal-Knisja. F’każ ta’ xita, il-bejgħ ikun mill-Każin tas-Soċjeta’ Filarmonika Sliema.
- Din il-ġimgħa nkomplu bit-tqassim tal-Kalendarju tas-Sena 2014 fl-aħħar ftit toroq li baqalna nqassmu. Min ma jkunx id-dar, huwa ġentilment mitlub iġib l-offrta tiegħu u jitfaħħa fil-qoffa tal-ġbir jew jagħtiha lill-Kappillan.
- Nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru fis-Sala tal-Każin tas-Soċjeta’ Filarmonika Sliema ser isir il-Party tal-Milied għat-tfal bejn il-5.30pm u s-7.30pm. Il-prezz ta’ €10 ikun jinkludi l-ikel, l-entertainment kif ukoll rigali mqassmin minn Father Christmas, għat-tfal kollha. Biljetti mingħand Brian Vigar jew mill-bar tal-Każin.