Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk

Illum, it-2 ta’ Novembru, il-Knisja tikkommemora il-Mejtin Kollha.  F’dan il-jum il-Knisja fuq din l-art titlob għall-Knisja fil-Purgatorju, bit-tama li ssir Knisja Waħda fil-Ġenna.

Illum il-Kattoliċi jiftakru fl-erwieħ ta’ dawk l-imgħammdin li mietu, imma li għadhom mhumiex jgħixu fil-preżenza t’Alla fil-Ġenna.  Il-Knisja Kattolika tgħallimna li dawn l-erwieħ, li għandhom bżonn il-purifikazzjoni, jibbenifikaw mit-talb, għotjiet ta’ karità, sagrifiċċji w offerti ta’ Quddies tagħna fuq din l-art.

It-Testment il-Qadim jirrakonta t-twemmin Lhudi li l-mejtin jibbenifikaw mis-sagrifiċċju fit Tempju  (Mak 12:42-46)  B’ kontinwazzjoni ta’ din il-prattika Lhudija, mill-ewwel żmienijiet tal-Knisja, il-Kristjani kienu joffru talb għall-mejtin.  Il-ħitan tal-katakombi Kristjani f’ Ruma kienu miżgħudin bi plakek b’talb għall-mejtin miktub bil-Latin.  Mit-twelid tagħha, il-Knisja dejjem ikkommemorat, ftakret u talbet għall-mejtin.

Ftit huma dawk li jmutu b’ ruħhom ippurifikata perfettament mid-dnub u l-imperfezzjonijiet, tant li jkunu jistgħu jidħlu minnufiħ fil-Viżjoni Beatifika t’Alla.  Ħadd m’hu ppreparat għall-bozza t’għaxart elef li tiddi f’għajnejh il-mument li jistenbaħ!  Daqshekkieħor il-maġġoranza tal-bnedmin ma jkunux lesti biex fil-mument tal-mewt jiltaqgħu mad-dawl intenss t’Alla nnifsu.  B’ebda mod ma’ nkunu lesti biex dan id-dawl tant qawwi, penetranti u qaddis jeżamina kull rokna mudlama ta’ ruħna.  Ir-ruħ għandha bżonn li l-ewwel tiġi ppurifikata.  Id-dnubiet tagħha jridu l-ewwel jiġu mħassra fin-nar tal-imħabba ħanina t’Alla:  dan huwa il-purgatorju – il-kamra ta’ quddiem il-bieb tal-ġenna, il-post ta’ stennija u preparazzjoni fejn ir-ruħ titlesta biex tidħol u tassorbixxi d-dawl l-aktar bajdani t’Alla.

Imma l-erwieħ tal-purgatorju m’għandhomx ir-rieda ħielsa jew il-kapaċità li jirreparaw waħedhom għalihom infushom.  Jiddependu fuqna biex javvanzaw fil-purifikazzjoni tagħhom permezz tat-talb u offerti tagħna għalihom.  Għalhekk biex javvanzaw lejn il-ġenna, nitolbu għalihom u noffru Quddies u sagrifiċċji b’suffraġju tagħhom.

Għalhekk il-ġurnata tal-kommemorazzjoni tal-erwieħ hija ħafn’ aktar minn ġabra spiritwali tal-familji tagħna, ġurnata li fiha nżuru l-oqbra tal-antenati tagħna u niftakru fil-memorji sbieħ li ħallewlna.  Il-ġurnata tal-Erwieħ Kollha tixxennaq għar-rabta profonda, għall-għaqda m’Alla – ir-ras tal-familia tal-anġli u l-qaddisin fil-ġenna.

Il-paganismu jifhem sewwa r-rwol tal-mejtin fl-immaġinazzjoni tal-ħajjin.  Il-vampiri u l-isħaħar li jidhru f’ħafna kulturi f’dan iż-żmien, jitfgħu dawl fuq ix-xewqa frustrata ta’ min mhux Nisrani, għall-eternità.   Illum nitfgħu dawn l-istejjer mal-ġenb u ninġabru f’talb Nisrani u sagrifiċċji għall-erwieħ f’din il-festa Nisranija.  Bis-saħħa tas-Sagramenti, tal-grazzja, sagrifiċċji, karità, għemejjel tajba u sawm immorru lilhinn mill-leġġendi tal-vampiri.  Il-Knisja toffri biżżejjed misteri: il-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn ix-xjaten u l-anġli, bejn id-dnub u l-grazzja, bejn is-salib u t-tentazzjoni – dawn mhumiex stejjer imma serjetà.  F’din l-arena soprannaturali hemm is-salvazzjoni tar-ruħ fil-miżien.  Illum inwieżnu lill-maħbubin li marru qabilna.

Inwiegħdu lill Erwieħ Qaddisa kollha it-talb, sagrifiċċji u l-offerta tal-Quddies tagħna matul dan il-jum, bit-tama li dak li nwettqu f’din id-dinja tkun tisswielhom t’avvanz lejn ħajja divina fil-ġenna.

Nitolbuhom ukoll biex jitolbu għalina biex aħna wkoll meta jkun il-waqt nidħlu magħhom fl-eternità.

Paċi u ġid

Brigitte OFS