Tas-Sliema u l-Feruti ta’ l-Ewwel Gwerra (1915-1919)
Minn Winston Zammit
L-ewwel parti
F’Awwissu ta’ l-1914, bdiet l-ewwel Gwerra Dinjija, bejn l-Allejati fosthom l-Ingliterra u l-Qawwiet Ċentrali. Malta sabet ruħa involuta f’din il-gwerra, bħala partri mill-Imperu Ingliż, u tat is-sehem tagħha fit-tlett oqsma, bħala bażi navali, numru kbir ta’ Maltin servew mal- forzi Ingliżi kemm f’Malta u barra minn Malta, u bħala sptar.
Fl-1915 l-Ingliżi bagħtu eluf ta’ suldati lejn id-Dardanelli fit-Turkija, u ġie deciż li l-feruti u konvalexxenti jinġiebu hawn Malta. Fil-fatt Malta inbidlet fi sptar, billi twaqqfu 27 sptar f’diversi inħawi ta’ Malta u Għawdex, u minħabba f’hekk Malta bdiet tissejjaħ “The Nurse of the Mediterranean” (1). F’din l-emergenza sar appell mill-Gvernatur lill-istituzzjonijiet u nies privati biex jilqgħu fid-djar tagħhom xi konvalixxenti. Fost dawk li laqgħu l-appell tal-gvernatur kien hemm il-provinċja Maltija tal-Patrijiet Frangiskani Minuri li fost affarijiet oħra offriet 8 kmamar fil-kunvent ta’ Tas-Sliema (2).
Il-Miġja ta’ l-ewwel feruti u konvalexxenti
Nhar it-Tlieta 4 ta’ Mejju 1915 waslu Malta numru kbir ta konvalexxenti u numru ta’ feruti. Gazzetta Lokali tgħidilna li “At Sliema the passage of the ambulance service conveying the wounded to Tigne’ created quite a sensation. The inhabitants turning out en-mass to welcome the heroes. Admist loud cheering flowers were thrown into the vehicles, while more ardent admirers approached with chocolates, cakes and cigarettes”
Tmint ijiem wara fit-12 ta’ Mejju 1915, waslu Malta 800 ferut ieħor fuq vapur li sorġa fix-Xatt ta’ Tas-Sliema. Il-feruti tniżżlu l-art u ttieħdu lejn St Andrews u Pembroke (4)
Zewgt sptarijiet
F’Tas-Sliema twaqqfu żewġ sptarijiet apposta biex jilqgħu fijhom il-feruti u konvalexxenti. Dawn kienu l-isptar ta’ Tigne’ u St John Hospital. Il-Maġġur Robert Randon R.M.A inħatar bħala t-tabib responsabbli mill-Isptar ta’ Tigne. Dan infetaħ bħala sptar ħenerali fl-14 ta’ Ġunju 1915. Fil-bidu kellu 676 sodda iżda wara n-numru żdied l-1000 għal 1100 sodda. L-isptar l-ieħor St John’s Hospital li kien jilqa fih mitejn pazjent infetaħ fl-aħħar ta’ Awwissu 1915 fil-bini l-kbir ta’ l-Iskola primarja ta’ Tas-Sliema (6). Naturalment f’dawn iż-żewġt sptarijiet taw is-servizzi tagħhom numru kbir ta’ tobba u infermiera. Fl-isptar Tigne’ minn barra t-tabib Randon taw is-servizzi tagħhom it-tobba Edward Lanzon il-Logotenent Cowes u it-tabib V. Bonavia (7). Sfortunatament f’dawn l-isptarijiet mietu numru ta’ feruti (8) fosthom il- Brigadier Generali G.B.Hodson li miet f’Jannar 1916 fl-eta ta’ 52 sena.
(1) A.V Laferla British
Malta, vol II (Malta 1947) p201
(2) Malta 12-IV-1915 p2
(3) D(aily) M(alta) C(hronicle) 6/V/1915
(4) IBID 14-V-1915
(5) Noti mid-djarju ta’ Surgeon Major Robert Randon RMA
(6)D.M.C I-IX-1915, 2-IX-1915
(7) IBID.15-V-1916 p.7 10-VI-1916 p3, 9-I-1917
(8) IBID. 12-vii-1915, 22-VI I -1915, 24 -VI I -1915, 27-VI I -1915
(9) IBID 27-I-1916
0 Comments