TAS-SLIEMA FIS-SENA1881
Tagħrif meħud mill-kitba ta’ Winston L. Zammit B.A.(Hons), P.G.C.E., M.A.

Fl-1881 seħħew diversi avvenimenti importanti f’Tas-Sliema, subborg tal-Belt Valletta, li kien għadu fl-istadju formattiv tiegħu. Fost dawn l-avvenimenti nsibu tnejn li mingħajr ebda dubju kellhom impatt kbir fuq il-ħajja tas-Slimiżi. Dawn kienu l-ftuħ u t-tberik tal-Knisja ġdida tal-Madonna tas-Sacro Cuor (26 ta’ Ġunju) u l-miġja fiha tal-Patrijiet Franġiskani Minuri (12 ta’ Novembru). Minbarra dan, nhar is-Sibt 26 ta’ Ġunju 1881, inġiebet fl-istess Knisja l-vara titulari tal-Madonna tas-Sacro Cuor (1). Tajjeb li naraw f’liema ambjent seħħew dawn l-avvenimenti.

Popolazzjoni

Skond iċ-ċensiment li kien sar fit-3 ta’ Mejju 1871, f’Tas-Sliema kien hemm 1,600 ruħ imqassma hekk: 733 irġiel u 867 nisa (2). Iżda miċ-ċensiment li sar fit-3 ta’ April 1881 (għaxar snin wara), wieħed jara li l-popolazzjoni ta’ dan is-subborg kienet telgħet għal 3,685 ruħ, żieda ta’ 130 fil-mija, mqassma hekk:-

IRĠIEL – 1,700: 1,518 Maltin, 140 Ingliżi u 42 barrani.
NISA – 1,985: 1,770 Maltin, 171 Ingliżi u 44 barranija (3).

It-Toroq ta’ Tas-Sliema

Liema kienu t-toroq ta’ Tas-Sliema fl-1881? Mit-tiftix li għamel is-sur Winston Zammit jidher li fl-1881, Tas-Sliema kienet maqsuma hekk:

PJAZZA – waħda – Pjazza Sant’Anna;

TOROQ – b’kollox kienu 26: Reale, Marina, San Ġwann Battista, Cattedrale, San Pietro, Santa Maria, Mrabat, Sant’Agata (4), Tignè, Marina Tigne, Marina Via Msida, Annunziata, San Paolo, Għar id-Dud, San Trofimo, San Ġiuseppe, Cristoforo, Stella Maris (5), Molo Marina, San Vicenzo Torre, San Publio, Għar il-Lembi, Prince of Wales, Rudolfo, Tonna.

SQAQIEN – tlieta, li kienu l-isqaq fi Triq Marina Tignè, Vicolo Nuovo u Vicolo Sant’Antonio (6).

Ħarsa ħafifa lejn dawn it-toroq turina biċ-ċar li n-nies kienu jgħixu fi tlitt inħawi ta’ Tas-Sliema:

1. Linja li tibda minn Triq Rudolfo, Triq il-Kbira (Reale) u li tibqa’ nieżla lejn ix-Xatt. Hawnhekk kien hawn il-parti l-kbira tal-bini;
2. Ftit bini fix-xaqliba ta’ quddiem il-Knisja ta’ Stella Maris li tħares lejn San Ġiljan (Stella Maris, Torre, Għar id-Dud);
3. Il-bini fl-inħawi ta’ Tignè.

AlambraId-Djar

Skont iċ-ċensiment tal-1881 f’Tas-Sliema kien hemm 2 palazzi u 722 dar, li minnhom 476 kienu abitati u 246 dar kienu vojta. Billi ċ-ċensiment sar f’April 1881, id-djar vojta huma indikazzjoni li kien hemm ħafna djar ta’ villeġġatura f’Tas-Sliema (7).

Iż-żewġ palazzi msemmija fiċ-ċensiment kienu l-Palazz Capua u Hunters Palace fi Strada Reale (8).

Fost id-djar tal-1881, hemm uħud li għadhom jezistu, fosthom id-djar Alambra u Alkazar fi Triq Rudolfo (9).

Residenti

Fost l-abitanti ta’ Tas-Sliema fl-1881, minn barra xi membri tal-kleru, insibu:

• Ħames Avukati – Dr Michele Psaila, Dr Ipollito Ardoino, Dr PP Borg Cardona, Dr Enrico Semini u Dr Michele Bellanti (10).
• Żewġ Tobba – Dr Paolo Sammut u Dr Giuseppe dei Conti Stagno (11)
• Tliet Nutara – Salvatore Catania, Riccardo Manara, Tancredi Pace.
• Sitt Prokoraturi Legali – Pietro Paolo Lanzon, Gaetano Lanfranco, Federico Galea, Paolo Souchett, Giuseppe Piccinino, Francesco Felice (12).

L-Iżvilupp Infrastrutturali

Fl-1881, Tas-Sliema kellha provista adegwata t’ilma, wara li ġiet ikkumnikata mal-akwedott ta’ Wignacourt. Kellha xi ftit fanali tal-pitrolju biex idawlu t-toroq bil-lejl u ma kellhiex sistema moderna tad-drenaġġ. Iżda matul din is-sena, il-Gvern wettaq ukoll numru ta’ xogħolijiet pubbliċi.

Kif wieħed jista’ jara fil-gazzetti lokali f’Tas-Sliema kien hemm skarsezza ta’ ilma tax-xorb fl-1881 (13). Iżda fl-istess żmien, il-Gvern Kolonjali ħa l-ewwel passi biex issir il-kumnikazzjoni mal-akwedott ta’ Wignacourt, u dan ix-xogħol jidher li tlesta sa Settembru 1881 (14). Dan kien ifisser li s-Slimiżi kellhom provista aħjar tal-ilma.

Rigward id-dawl, fl-istess sena, is-Slimiżi kellhom biss wens ta’ ftit fanali tal-pitrolju (15). Iżda fis-seduta tal-Kunsill tal-Gvern tad-19 ta’ Mejju 1881 ġie mgħoddi vot ta’ £140 biex jitwaħħlu 100 fanal fit-toroq ta’ Tas-Sliema, bil-kundizzjoni li dawn jinxtegħlu a spejjeż tal-abitanti (16). Fil-fatt dawn il-fanali bdew jitwaħħlu f’Lulju 1881. Ix-xogħol tlesta fl-istess sena bi spiża ta’ £138.6s.9d (17). Iżda ma jidhirx li dan l-esperiment irnexxa (18).

Ix-xogħolijiet pubbliċi f’Tas-Sliema kienu

1. Tkompla u tlesta x-xogħol ta’ tiswija fuq parti mill-Moll ta’ Tas-Sliema. Dan ix-xogħol kien inbeda f’Lulju 1880 u tlesta f’Lulju 1881 bi spiża ta’ £209.2s.0d (19).
2. Saret il-bankina ta’ Triq il-Prinċep ta’ Wales. Dan ix-xogħol kien inbeda f’Jannar 1881 u tlesta fl-istess sena bi spiża ta’ £49.18s.4d (20).
3. Inbeda x-xogħol fuq il-bankina ta’ Triq it-Torri. Dan ix-xogħol inbeda f’April 1881 u tlesta fl-istess sena bi spiża ta’ £34.19s.5d (21).

Servizzi tal-Gvern

Is-subborg marittimu ta’ Tas-Sliema kellu dawn is-servizzi tal-Gvern: tabib tal-Gvern, żewġ Skejjel Primarji – waħda tal-bniet u l-oħra tas-subien, żewġ għases tal-Pulizija, servizz tal-Posta u servizz ta’ lighthouse ħdejn il-Fortizza Tignè (22).

It-Tabib tal-Gvern f’Tas-Sliema ‘Medico dei Poveri’ jew Medico di Polizia kien Dr Paolo Sammut, maħtur fl-1864. Dr Sammut li kien joqgħod f’Tas-Sliema, kien jaqdi ukoll il-ħtiġijiet ta’ San Ġiljan (23). Fl-iskola tas-subien kien hemm attendenza ta’ 180 tifel u l-kap kien is-sur Emmanuel Mangion. L-iskola tal-bniet kienet titmexxa mis-sinjura Annetta Muscat u fiha kienu jattendu 186 tifla (24). Tas-Sliema kellha wkoll is-servizz ta’ żewġ għases tal-pulizija, waħda tal-pulizija tal-baħar (Marine Police) u l-oħra tal-pulizija tal-art (Interior Police) (25).

Servizzi Privati

Minbarra s-servizzi tal-Gvern f’Tas-Sliema fl-1881 kien hemm ukoll numru ta’ servizzi privati. Kull fejn ikun hemm xi komunità residenti dejjem jiftħu xi ħwienet. Skont iċ-ċensiment f’Tas-Sliema fl-1881 kien hemm is-servizz ta’ 59 ħanut, li minnhom 39 kienu ‘Casa Bottega.’ (26)

Mill-istess ċentiment nafu li kien hemm 2 lukandi jew djar t’alloġġ. Dawn kienu l-lukanda ‘Imperial’ fi Triq Rudolfu li kienet fetħet il-bibien tagħha fl-1875, u l-lukanda ‘Duke of Edinburgh’ fix-Xatt Tas-Sliema (27).

Iċ-ċensiment tal-1881 isemmi spiżerija waħda u tliet kulleġġi u skejjel privati (28). L-iskejjel privati u kulleġġi żdiedu matul is-sena bit-tberik tal-Kunvent u skola tas-Sorijiet ta’ St Joseph fi Triq il-Katidral li seħħ nhar id-9 ta’ Ġunju 1881; l-iskola tas-Sorijiet bdiet tiffunzjona fl-istess sena (29). B’hekk daħlet l-ewwel Kommunità tas-Sorijiet f’Tas-Sliema (30).

It-Trasport

Dwar it-trasport fl-art m’għandna xejn tagħrif. Aktarx li s-Slimiżi kien ikollhom jinqdew b’xi karrozzin jew xi kaless. Fuq il-baħar kien hemm is-servizzz tad-dgħajjes fil-port ta’ Marsamxett bejn Tas-Sliema u l-Belt. Iżda fl-1881, bdew it-trattativi mal-Gvern, mis-sur Ġulju Goldseller biex jibda’ jħaddem servizz tal-laneċ fil-port ta’ Marsamxett li kellu jibda’ f’Ġunju 1881. Iżda għal xi raġuni jew oħra dan is-servizz inbeda sena wara f’Ġunju 1882 (31).

Każini u Teatru

Fl-1881, fi Pjazza Għar il-Lembi diġa kien hemm fergħa tal-Union Club tal-Belt Valletta. Imma fl-istess sena nfetħu żewġ każini oħra, wieħed fl-isem ta’ Mannarino, u l-ieħor kien tas-sajf tas-Soċjetà Filarmonika La Valette tal-Belt. Dan il-każin infetaħ b’ċerimonja nhar il-15 ta’ Ġunju 1881 (32). Minbarra dawn il-każini kien hemm ukoll teatru tas-sajf Teatrino d’Esta (33).

Knisja AnglikanaIl-Preżenza Ingliża f’Tas-Sliema

Il-preżenza Ingliża f’Tas-Sliema kienet tinħass minħabba tliet fatturi li kienu n-numru tar-residenti jgħixu f’Tas-Sliema, is-suldati Ingliżi stazzjonati fil-Fortizza Tignè u l-Knisja Anglikana fi Triq Rudolfu, li bdiet tinbena fl-1886 u tlestiet fl-1867 (34).

Il-Knisja f’Tas-Sliema

Sa Ġunju 1881 kien hemm żewġ knejjes f’Tas-Sliema. Dawn kienu l-knisja ż-żgħira tal-Madonna tal-Grazzja, fi Strada Reale, li nbniet fil-bidu tas-seklu XIX (35). Il-knisja l-oħra kienet dik ta’ Stella Maris, mibnija bejn is-snin 1853-1855 u mkabbra fis-snin 70 tas-seklu dsatax. Nhar it-23 ta’ Diċembru 1878 ġiet elevata għad-dinjità ta’ Parroċċa u b’hekk saret l-ewwel l-knisja parrokkjali f’Tas-Sliema (36).

Għas-servizz tal-knisja parrokkjali fl-1881, kien hemm il-Vigarju Kurat Dun Karm Ġerada, il-Viċi Parrokku Dun Manwel Mifsud (37), Dun Ġużepp Fabri (38), Dun Ġwann Mamo u Dun Salv M. Xuereb. Residenti wkoll f’Tas-Sliema kien hemm il-Kanonku Dun Amabile Baldacchino tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl tal-Belt (39).

Ġara li f’Ġunju 1881, maż-żewġ knejjes li diġa kien hemm, żdiedet knisja oħra – dik tal-Madonna tas-Sacro Cuor, li nbniet bejn l-1877 u l-1881 bit-tħabrik ta’ Dun Pawl Vella (1831-1883) (40). Kien nhar is-26 ta’ Ġunju 1881 li l-Isqof Mons. Carmelo Xikluna bierek il-knisja ġdida ddedikata lis-Sinjura Tagħna tal-Qalb ta’ Ġesù u dakinhar stess filgħaxija nġiebet fiha l-vara titulari tas-Sinjura Tagħna, xogħol tal-istatwarju Malti Ġlormu Darmanin (41). Fit-12 ta’ Novembru tal-istess sena, din il-knisja għaddiet f’idejn il-Patrijiet Franġiskani Minuri (42).

REFERENZI

1) Avveniment ieħor fl-istorja ta’ Tas-Sliema li seħħ ukoll f’Ġunju 1881 kien meta fid-9 ta’ Ġunju 1881, l-Isqof Carmelo Xicluna bierek il-Kunvent u l-Iskola tas-Sorijiet ta’ St Joseph fi Triq il-Katidral. Ara W. L. Zammit, Tas-Sliema fis-Seklu XIX, KKM 174 (Malta, 2004), 259-260.
2) Census of the Maltese Islands 3-V-1871 (Malta, 1872), 2.
3) Census of Malta, Gozo and Comino, 1881 (Malta, 1882), Table III.
4) M(alta) G(overnment) G(azette) Electoral Register 26-IX-1881, 247-248.
5) Census of the Maltese Islands 3-V-1871 (Malta, 1872), 2.
6) MGG Electoral Register 26-IX-1881, 247.
7) Census of Malta, Gozo and Comino, 1881 (Malta, 1882), Table V.
8) Ibid.; Zammit, Tas-Sliema fis-Seklu XIX, 32, 33.
9) Zammit, Tas-Sliema fis-Seklu XIX, 33, 34.
10) MGG Electoral Register 26-IX-1881, 247-248.
11) Ibid.
12) Ibid.
13) Zammit, Tas-Sliema fis-Seklu XIX, 60.
14) Ibid., 33-34.
15) Ibid., 62-64.
16) Ibid., 64-65.
17) M(alta) B(lue) B(ook) 1881, H12, H13.
18) Zammit, Tas-Sliema fis-Seklu XIX, 65.
19) MBB 1881, H4, H5.
20) Ibid., H12, H13.
21) Ibid.
22) MGG Electoral Register 30-XI-1881, 329. Fl-1881 sar xogħol ta’ tibjid u żebgħa f’din il-lighthouse li qam £2.18s.0. Dan ix-xogħol inbeda f’Novembru 1881 u tlesta fl-istess sena. MBB 1881, H16, H17.
23) Zammit, Tas-Sliema fis-Seklu XIX, 95-96.
24) MBB 1881, U2, M114. F’Seduta tal-Kunsill tal-Gvern li saret f’Mejju 1881, ġie approvat vot ta’ £7.10s ‘Repairing and painting benches and other furniture of the male and female shools at Sliema.’ MGG, 5-V-1881, 120.
25) Zammit, Tas-Sliema fis-Seklu XIX, 93-94.
26) Census of Malta, Gozo and Comino 1881, Table V.
27) Ibid.; Zammit, Tas-Sliema fis-Seklu XIX, 260.
28) Census of Malta, Gozo and Comino 1881, Table V.
29) Zammit, Tas-Sliema fis-Seklu XIX, 260.
30) Ibid.
31) Ibid., 129-131.
32) Ibid., 141.
33) Ibid., 144.
34) Ibid., 179-183.
35) Ibid., 203-208.
36) Ibid., 197, 220-223.
37) Ibid., 197-198.
38) ‘Fede e Azione’ 13-VIII-1881.
39) MGG Electoral Register 26-IX-1881, 248.
40) Zammit, Dun Pawl Vella D.D. (1880-1883). Benefattur tal-Ewwel Slimiżi f’Tas-Sliema, Il-Kunsill Tiegħek, Jannar-Marzu 2005.
41) Zammit, Tas-Sliema fis-Seklu XIX, 240.
42) Ibid., 246.