Ħadd il-Palm (Sena Ċ). Riflessjoni fuq l-Evanġelju ta’ San Luqa (19:28-40) minn Dun Pawl Camilleri. Video iffilmjat u editjat minn George Palmier. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel – Parrocca Iklin Malta.
F’dak iż-żmien, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. U meta wasal qrib Bѐtfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, ssibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom għalfejn qegħdin tħolluh, għidulu li l-Mulej għandu bżonnu.”
Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom. Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?” U huma wieġbu: “Għax il-Mulej jeħtieġu.”
Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla ta’ l-Għolja taż- Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, u bdew jgħidu:
” Mbierek is-Sultan
li ġej f’isem il-Mulej!
Sliem fis-sema,
u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”
Xi wħud mill-Fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!” Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel.”
0 Comments