Huti Frangiskani,

Il-Hadd li ghadda ccelebrajna b’ferh kbir it-Twelid tat-Tarbija Gesu, is-Salvatur taghna u l-Hadd li gej niccelebraw il-bidu ta’ Sena Gdida – 2023. Kull bidu ghandu t-tmiem tieghu.

Il-paċi hija don fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna…
Hekk tgħid il-barka li Mosè jitlob fuq il-poplu: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem!” (Num 6, 24-26). Is-sliem bħall-ħniena huma l-ikbar barkiet tal-Mulej. Il-paċi hija rikonċiljazzjoni, maħfra u mħabba bejnietna; il-paċi hija stabbiltà u ġustizzja fis-soċjetà u bejn il-ġnus.

Illum, aħna niltaqgħu l-lejla biex nirringrazzjaw lil Alla ta’ sena li qed tgħaddi. Nirringrazzjawh b’talba ħerqana għal sena ġdida.  Bħala Fraternita f’Tas-Sliema, verament għandna għalxiex nirringrazzjaw lil Alla u ntemmu s-sena 2022 b’diversi mumenti ta’ grazzja li l-Mulej żejjinna bihom. Nirringrazzjaw ukoll lill-Mulej tal-ġid kollu li għamel maghna bhala Fraternita u mal-familji taghna matul din is-sena, anki ghal dawk il-mumenti ta’ prova kbira ghall-fidi taghna.

J’Alla ċ-ċelebrazzjonijiet tagħna jkunu ta’ vera, nifirħu u nħallu lil min jifraħ u ma nabbandunaw lil ħadd billi ninsewh jew ninjorawh.

Għaddiet sena, sena oħra minn ħajjitna u sena oħra fl-istorja tal-bniedem. Issa huwa l-ħin tar-rendikont, il-ħin biex fih infaħħru u nirringrazzjaw lil Mulej. Għaddejna min mumenti sbieħ u oħrajn ta’ niket, imma n-nisrani kollox hekk għandu jilqa’, b’mod sempliċi u meqjus. Iż-żmien li għadda huwa parti mill-istorja tagħna tant għal qalb il-Mulej Alla. Huwa jinsab magħna, dejjem.

Is-sena t-tajba!”
Min hawn u ftit ieħor, fost tant briju, tibda sena oħra fl-istorja ta’ ħajjitna. Ilkoll nifirħu u nixtiequ lil xulxin sena mimlija ferħ, risq u paċi. Mhux li kieku kollna kemm aħna matul is-sena li dalwaqt tibda nħossu l-istessa ħeġġa li biha, f’dawn is-sigħat, nagħmlu u nirċievu l-awguri sbieħ. Żgur li kieku l-kawża tal-paċi fid-dinja tkun diġa nofsha mirbuħa.

Grazzi Mulej ta’ din is-sena li għoġbok tagħtina
Talli sejjaħtilna għal fidi li biha għanejtna
Għal-kisbiet u suċċessi li kellna, u anki għat-tbatijiet u ħsara li għaddejna minnhom, għaliex dawn il-mumenti għalmuna ngħollu l-ħsieb tagħna lejk.
Għal-hena ta’ dejjem li Inti wegħedtna.

Il-paċi hija rigal li titwieled meta qalbna tinfetaħ għal-għajn tal-vera ħajja. Li nagħtu l-paċi lil xulxin ifisser li bħal aħwa, aħna lesti naqsmu kollox, imma l-iktar id-don tal-fidi. Is-sinjal ta’ paċi li nagħtu lil xulxin huwa, mela, mpenn ta’ lejalta’ li bih nilqgħu lil ħutna bħala messaġġiera ta’ mħabba u maħfra.

O Missier l-aktar tajjeb u ħanin, ilqa’ t-talb tagħna f’dawn l-aħħar ħinijiet ta’ din is-sena u b’Ibnek Ġesu’ Kristu mexxina ‘l quddiem lejn il-futur li Inti ħejjejt għalina.

O Missier, Alla u mħabba, Alla ħaj u veru, agħtina l-barka tiegħek biex mhux illum biss, izda f’kull mument ta’ ħajjitna, flimkien mas-Sultana tagħna, Marija Omm l-Iben tiegħek, nkunu nistgħu nkantawlek innijiet ta’ radd il-ħajr.

Ferħana għaliex Inti tgħoddna bħala uliedek u żguri li Inti tismagħna, nitolbuk barka speċjali waqt li flimkien ngħidulek:

Lilek, o Alla, infaħħru: lilek b’Mulej nistqaru
Lilek, Missier ta’ dejjem, id-dinja kollha tqimek.

Il-barka li l-Mulej jagħti fuq il-poplu tiegħu hija barka ta’ ħniena u ta’ sliem. L-awgurju tiegħi huwa li s-sena l-ġdida tkun għal kull wieħed u waħda minna, sena ta’ ħniena u sena ta’ sliem.

Il-Paci tat-Tarbija Ġesu tkun magħna lkoll matul is-sena 2023.

Peter Darmanin ofs

Ministru