Fl-Ewwel Ittra tiegħu, San Ġwann jgħidilna li Alla huwa mħabba (1 Ġw 4, 8.16) … u jkompli jgħidilna li din l-imħabba ma kinetx murija lilna bi kliem fieragħ iżda b’mod mill-aktar konkret, li nistgħu mmissuh b’idejna. Hekk San Ġwann ikompli jgħidilna: “B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ‘l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.” (1 Ġw 4, 9-10) U għalhekk, Ġesù nnifsu jgħid lil Nikodemu: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.” (Ġw 3, 16-17)

Ġesù Kristu huwa l-Kelma t’Alla li fil-milja taż-żminijiet saret laħam u għammret fostna. Ġesù Kristu huwa l-Kelma tal-imħabba t’Alla għall-bniedem … mhix kelma vojta, mhux sempliċi ħoss imma kelma li nistgħu mhux biss nisimgħuha iżda, wkoll, saħansitra nistgħu mmissuha u nħarsu lejha. Hekk l-istess Appostlu l-maħbub, San Ġwann, jikteb fil-bidu tal-Ewwel Ittra tiegħu:

“Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-Verb, l-Kelma tal-ħajja, dan sejrin inxandrulkom. Għax il-ħajja dehret u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna. Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu. U qegħdin niktbu dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.” (1 Ġw 1, 1-4)

239-600xNoneĠesù Kristu: kollox bih u għalih

Dan Ġesù huwa l-qalba tal-evanġeliżazzjoni u tal-katekeżi. U dak li l-evanġeliżazzjoni u l-katekeżi għandhom iwasslu għalih huwa li l-bniedem jingħaqad ma’ Ġesù Kristu u jaċċettaH f’ħajtu bħalha l-uniku salvatur tiegħu, kif jgħid San Pietru lill-kapijiet tal-poplu Lhudi: “F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi.” (Atti 4, 12)

Dan huwa dak li jgħallimna l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, waqt li jikkwota mill-Eżortazzjoni Appostolika Catechesi Tradendæ tal-Papa Ġwanni Pawlu II:

“Fil-qalba tal-katekeżi nsibu essenzjalment Persuna, dik ta’ Ġesù ta’ Nazaret, l-Iben Waħdieni tal-Missier … li bata u miet għalina, li qam mill-imwiet u issa qiegħed magħna għal dejjem … L-għan tal-katekeżi (huwa): “Tixxierek ma’ Ġesù Kristu: hu biss jista’ jwassal għall-imħabba tal-Missier fl-Ispirtu s-Santu u jagħtina sehem mill-ħajja tat-Trinità Qaddis … Fil-katekeżi hu Kristu, il-Verb magħmul bniedem u Bin Alla, li jiġi mgħallem – il-bqija kollu li jingħad, jingħad b’riferenza għalih … (KKK 426 u 427)

U għalhekk, bir-raġun kollu, il-Papa Benedittu, fl-Ittra Appostolika Il-Bieb tal-Fidi (paragrafu 6) jgħidilna: “Jekk inħarsu lejn is-Sena tal-Fidi f’dan id-dawl, naraw li hi sejħa biex mill-ġdid nikkonvertu b’mod awtentiku lejn Kristu, il-Feddej waħdieni tad-dinja. Fil-misteru tal-mewt u l-qawmien, Alla rrivela l-milja tal-Imħabba li tifdina u ssejħilna għal ħajja ta’ konverżjoni permezz tal-maħfra tad-dnubiet … Din l-Imħabba ddaħħalna f’ħajja ġdida.”

Ġesù Kristu: Alla u Bniedem

It-twemmin tagħna f’Ġesù Kristu huwa miġbur f’sitt artikli tal-Kredu li aħna nistqarru kull nhar ta’ Ħadd, f’Jum il-Mulej, meta ninġabru biex niċċelebraw l-Ewkaristija … Sitt artikli li jiġbru fil-qosor, sitt veritajiet li aħna nemmnu dwar Sidna Ġesù Kristu:

1. Ġesù Kristu huwa l-Iben ta’ Alla l-Missier, imnissel minnu sa mill-eternità, daqsu fil-kobor, natura waħda miegħu iżda, fl-istess waqt persuna differenti u distinta;

2. Meta waslet il-milja taż-żminijiet huwa ħa fuqu n-natura tagħna bnedmin mingħajr ma naqqas xejn min-natura tiegħu ta’ Alla; huwa għalhekk “fl-istess waqt veru Alla u veru bniedem; hu verament l-Iben t’Alla li sar bniedem, sar ħuna, u dan mingħajr ma waqaf li jkun Alla Sidna; Hu baqa’ dak li kien minn dejjem u ħa sura tagħna li ma kellux.” (KKK 469) “Huwa niżel mis-smewwiet għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna u ħa l-ġisem bis-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Verġni u sar bniedem.” (mill-Kredu) Huwa sar bniedem biex aħna nagħrfu l-imħabba t’Alla, biex aħna ngħixu bih, biex ikun għalina eżempju ta’ qdusija, biex aħna nisimgħu lilu u nħobbu lil xulxin kif ħabna hu, biex aħna nkunu nistgħu nissieħbu fin-natura tiegħu ta’ Alla. (ara KKK 456-460)

3. Huwa kien imġarrab bħalna f’kollox minbarra fid-dnub; għall-imħabba tagħna huwa obda sal-mewt tas-salib; Huwa bata u miet biex jifdina mill-jasar tad-dnub. “Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet.” (Efes 1, 7) Il-mewt tiegħu ma ġratx b’kumbinazzjoni; il-mewt tiegħu kienet parti mill-pjan ta’ Alla; huwa laqa’ s-salib biex joqgħod għar-rieda tal-Missier u biex jagħtina prova ta’ mħabbtu: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” (Ġw 15, 13)

4. “ … Imma Alla qajjmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha … Mela ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta’ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija.” (Atti 2, 24.36)

5. U meta kien temm ir-rieda tal-Missier, huwa “qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet, ‘il fuq minn kull Saltna u Setgħa, minn kull Qawwa u Ħakma, ‘il fuq minn kull isem li jissemma, mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal li ġej. Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh, u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha, li hi Ġismu, il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.” ( Efesin 1, 20-23)

6. Fl-aħħar taż-żminijiet Hu għandu “jerġa’ jiġi bil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.” (mill-Kredu) “Mbagħad, it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan ‘sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejħ’.” (1 Kor 15, 24-25)

Nagħmlu l-qalb

“J’Alla”, fi kliem il-Papa, “din is-Sena tal-fidi ssaħħaħ ir-rabta tagħna ma’ Kristu l-Mulej, għaliex fiH biss tinsab iċ-ċertezza li biha nħarsu lejn il-futur u l-garanzija ta’ mħabba vera u li tibqa’ għal dejjem.” (Porta Fidei 15) Ġesù Kristu, msallab u rxuxtat jiġbidna lejH u jdaħħalna fl-Imħabba bla qies t’Alla għalina. Nilqgħu, għalhekk, l-istedina li jagħmilna l-kittieb tal-Ittra lil-Lhud: “Ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla … Erfgħu l-idejn merħija u saħħu l-irkubbtejn mitluqa tagħkom, u aqbdu triq dritta għal riġlejkom, biex min hu zopp, ma joħroġx mit-triq, imma jerġa’ jieħu saħħtu.” (Lhud 12, 1-2.12-13)

Inpoġġu lilna nfusna taħt il-ħarsien ta’ Marija li “b’ferħ u tregħid welldet l-Iben il-waħdieni tagħha u baqgħet verġni … bil-fidi hi mxiet wara l-Mulej fil-predikazzjoni tiegħu u baqgħet miegħU sal-Golgota … u daqet il-frott bnin tal-qawmien ta’ Ġesù u, filwaqt li kienet tgħożż kull ħaġa f’qalbha, għaddietha lit-Tnax li kienu magħha fiċ-Ċenaklu biex jirċievu l-Ispirtu s-Santu.” (ara Porta Fidei 13)