(Pope Francis’s prayer for the Jubilee of Mercy (2015-2016) – in Maltese)
It-Talba tal-Gublew bil-Malti, fuq is-sit tal-Ġublew tal-Vatikan
Mulej Ġesù Kristu, int li għallimtna nħennu bħalma ħanin hu Missierna tas-Sema, u għidtilna li min jara lilek jara lilu: urina wiċċek u nkunu salvi.
Ħarstek mimlija mħabba ħelset lil Żakkew u ’l Mattew mill-jasar tal-flus; lill-adultera u l-Maddalena milli jqiegħdu l-ferħ tagħhom biss fi ħlejqa; bikkiet lil Pietru wara t-tradiment, u wiegħdet il-Ġenna lill-ħalliel niedem.
Agħmel li kull wieħed u waħda minna jisma’ tingħad lilu dik il-kelma li int lissint lis-Samaritana: Kieku kont taf id-don ta’ Alla!
Int il-wiċċ li jidher tal-Missier li ma jidhirx, ta’ Alla li juri s-setgħa tiegħu fuq kollox bil-maħfra u l-ħniena: agħmel li l-Knisja tkun fid-dinja l-wiċċ tiegħek li jidher, int li int il-Mulej tagħha, rebbieħ fuq il-mewt u glorjuż.
Int ridt li l-ministri tiegħek ikunu huma wkoll imlibbsa bid-dgħufija biex jistgħu jħossu għal dawk li qegħdin fl-injoranza u l-iżball; Agħmel li kull min jersaq lejn wieħed minnhom iħossu milqugħ, maħbub u maħfur minn Alla.
Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u kkonsagrana lkoll bid-dilka tiegħu
biex dan il-Ġublew tal-Ħniena jkun sena ta’ grazzja tal-Mulej u l-Knisja tiegħu b’ħeġġa mġedda tista’ twassal lill-foqra l-bxara t-tajba, tħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u l-maħqurin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja.
Dan nitolbuhulek bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm il-Ħniena, int li tgħix u ssaltan flimkien mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Francesco Pio Attard
0 Comments