Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk
Il-Kuxjenza u l-Verità Morali għandhom imorru id f’id.
Il-Knisja Kattolika minn dejjem tgħallem fuq il-Verità. Ġesù ġie mistoqsi minn Pilatu “U l-verità x’inhi?”(Gw: 18:38) Din il-mistoqsija għada sfida għall-bniedem ta’ llum li għandu bżonn gwida ċara fuq x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin fejn tidħol moralità u Fidi.
Il-Kardinal John Henry Newman, Teologu Ingliż eminenti, illum Qaddis, issielet qatigħ biex jiddefendi l-integrità tad-Duttrina Kristjana u kien ta’ kontradizzjoni għal min fittex il-verità fil-ħeffa u l-kumdità. Fil-fidi personali tiegħu, kif ukoll fit-Teoloġija li għallem, kien konvint li “il-kuxjenza hija l-avukat tal-verità fl-interjur tal-persuna umana” u li l-verità morali hija valur essenziali jekk wieħed irid jgħix ħajja onesta u morali, skond il-kuxjenza, fir-reverenza u mħabba t’Alla. Newman isostni li l-kuxjenza hija “ubbidienza għall-verità oġġettiva” u jekk wieħed jaċċetta l-Verità ta’ Kristu f’ħajtu, ma jkun hemm ebda differenza bejn dak li wieħed jemmen u kif wieħed jgħix. Kull ħsieb, kliem u għemil ikunu għall-Glorja t’Alla w il-miġja ta’ SaltnatU.
Newman jgħallem li l-verità morali iġġib magħha obbligu morali u t-tfitxija għall-verità, li kif jiddiskrivija tant tajjeb hu, hija bħal vapur li jfittex port f’ maltempata qawwija fuq il-baħar. Il-bniedem għandu tlett obligi fejn tidħol il-verità: jaċċettha, jgħixha u jagħti xieda tagħha. Il-kuxjenza hija kkaratterizzata (1) mis-sens morali u (2) mis-sens ta’ dmir; għandha rwol teoretiku u ieħor prattiku, jiġifieri li ma tieqafx fuq l-għarfien imma tispira l-azzjoni.
(1) Fis-sens morali aħna nħaddnu valuri etiċi, nevalwaw azzjonitna, u niddistingwu bejn it-tajjeb u l-ħażin: ir-raġuni tiġġudika.
(2) Fis-sens ta’ dmir nkunu responsabbli li naġixxu b’mod tajjeb u etiku, nagħmlu t-tajjeb u nevitaw il-ħażin, speċjalment fejn jidħol ġudizzju.
Dawn iż-żewġ sensi mhumiex separabbli, imma huma esperjenza waħda li Newman jiddiskrivi bħala l-eku tal-Vuċi t’Alla. Għalkemm il-kuxjenza qiegħda ġewwa fina, il-bidu tagħha huwa lilhinn minna. Għaldaqstant il-kuxjenza hija santwarju personali fejn Alla jkellem ir-ruħ fuq il-liġi Tiegħu u jitlob minnha ubbidjenza. Għandna dmir li nrawmu l-kuxjenza tagħna biex dan l-eku jidwi f’ruħna, mingħajr ma jitlef mill-qawwa tiegħu, biex b’hekk nagħrfu x’irid Alla minna fil-mixja tal-Fidi tagħna.
Peress li l-kuxjenza hija ħajja, tista’ tiżviluppa u tirfina, imma daqshekk ieħor tista’ tiddeġenera meta l-imġieba tagħna tkun mawġa w immorali. Dan iseħħ jew għaliex nipprovaw ma nagħtux kaz it-tingiża tal-kuxjenza, jew għaliex nawġuha billi niddefendu l-imġieba tagħna kontra l-verità b’ħafna skużi w evażżjonijiet: ir-rebgħa tissejjaħ tieħu ħsieb il-familia jew l-ażjenda tiegħek; il-kburija tissejjaħ indipendenza; l-ambizzjoni żejda tissejjaħ bravura; it-tgħaddib jissejjaħ sens t’unur eċċ. B’dan il-mod il-bniedem juża il-verità għall-bżonnijiet u s-sentimenti suġġettivi tiegħu minflok ma jirrispetta il-verità. Dan narawh fid-dibattiti kontemporanji f’diskussjonijiet morali eż. fuq l-abort, il-familia u ż-żwieġ, l-ewtanasia eċċ. Il-kuxjenza għandha tkun il-qarrejja tal-verità – u mhux toħloq il-verità – u tigwidana biex nissottomettu ruħna b’umiltà sinċiera għar-rieda t’Alla, f’ relazzjoni personali Miegħu. Ejjew nitolbu l-Ispirtu s-Santu biex idawwlilna moħħna u qalbna fuq il-verità TiegħU.
Paċi u ġid,
Brigitte OF
0 Comments