ATTIVITA MILL-AĦWA ORDNI FRANĠISKAN SEKULAR, nhar Ħamis ix-Xirka.
Mill-Ministru tal-OFS, Tony Mahoney
Nhar Ħamis ix-Xirka, l-Aħwa tal-Ordni Franġiskan Sekular, se jmexxu ħin ta’ Riflessjoni dwar it-Tbatija u l-ħruxija li għadda minnhom Sidna Ġesu Kristu, matul il-lejl tal-Ħamis, il-lejl qabel ma kien imsallab, skond kif titlob il-Knisja, f’dawn il-ħinijiet. Ħuti, ma nistgħux nimmaġinaw kif ħassu Kristu bħal dan il-lejl. kien diġa tilef ħafna demm, sofra nsulti u trattament ħażin, u fuq kollox, waddbuh ġewwa ħabs. Nħallu l-immaġinazzjoni tagħna timraħ u mmorru lura fiż-żmien, ġewwa Ġerusalemm, ngħaddu minn arkata baxxa, ninżlu minn garigor dejjaq li jdur sa ma naslu ma’ kanċell tal-ħadid. L-uniku ħjiel li għandna, dwar dan il-lejl, huwa minn Rivelazzjonijiet Privati ta’ ċerti nies twajba u Qaddisin. Fosthom hemm viżżjonijiet dwar il-Passjoni u t-tbatja orribli, ta’ Ġesu Kristu. Huma stess jiktbu li kien impossibbli li jiddeskrivu dak kollu li għadda minnu Kristu … għax kienu jħossuhom ħażin bil-biżgħa, kważi kienu jħosshom li qed imutu. Fl-istess ħin bdew jistħu mill-Imgħallem Divin, li ma jissaportux jaraw dak kollu li kien għaddej minnu. Sadattant, Kristu baqa’ jżomm il-kalma u l-kontroll, fis-skiet. Daqshekk kbir kien is-sabar u l-imħabba li wera lejna, għas-salvazzjoni tagħna.
Dawn ir-Riflessjonijiet se jsiru fil-kwiet u l-ġabra, b’mużika ‘ambjentali’ li ddaħħalna fi’ spirtu ta’ meditazzjoni, bħala tħejjija xierqa, għall-akbar Ġrajja li qatt seħħet fid-dinja. Kulħadd huwa mistieden li jattendi u jieħu mill-ġid spiritwali offrut mill-Aħwa tal-Ordni Franġiskan Sekular tal-Parroċċa tagħna.
0 Comments