“Fi Frar nieħdu ħsieb il-ħolqien”
Minn Marilyn Mintoff – 05/02/16
L-intenzjoni tal-Papa Franġisku għal dan ix-xahar hi li nieħdu ħsieb il-ħolqien, nikkultivawh u nipproteġuh għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna għax huwa ħolqien li ġie mogħti lilna b’xejn.
Fit-tieni messaġġ tiegħu, il-Papa jistqarr li lkoll kemm aħna naqblu li d-dinja hija wirt komuni li minnha joħroġ il-frott li għandu jitgawda minn kulħadd.
Madankollu, il-Papa jistaqsi x’inhu jiġrilha d-dinja li qed ngħixu fiha?
Itenni li r-relazzjoni bejn il-faqar u l-fraġilità tal-pjaneta tirrikjedi mod ieħor ta’ kif nistgħu namministraw l-ekonomija u kif inkejlu l-progress, biex b’hekk nibnu mod ta’ għajxien ġdid.
Il-Papa jistqarr li lkoll kemm aħna għandna bżonn bidla li tgħaqqadna flimkien u li biha nkunu ħielsa mill-iskjavitù tal-konsumiżmu.
Ix-xahar li għadda, it-talba tal-Papa kienet li “d-djalogu sinċier bejn in-nisa u l-irġiel ta’ twemmin differenti jista’ jipproduċi l-frott tal-paċi u tal-ġustizzja.”
0 Comments