Maħbubin ħuti fi Kristu u San Franġisk
Qed nersqu lejn il-festa tal-Qaddisin Kollha fil-bidu ta’ Novembru w għalhekk ħsibt li nikteb xi riflessjonijiet fuq l-Interċessjoni tal-Qaddisin.

San Tumas Aquinas jispjega li l-petizzjonijiet tal-Knisja militanti relatati mal-qadissin fil-ġenna u għalhekk huma jisimgħu dawn il-petizzjonijiet b’mod sopr8anaturali, permezz tal-Viżjoni Beatifika. Huwa parti mill-glorja tagħhom li jgħinuna fil bżonnijiet għas-salvazzjoni tagħna. Alla m’għandux bżonn il-qaddisin biex jinterċedu għalina, imma f’imħabtU lejhom, tagħhom don kbir billi jerħihom jipparteċipaw b’dan il-mod glorjuż fix-xogħol tar-redenzjoni tagħna. Alla jaħdem bl-imħabba – l-oppost tal-egoiżmu – għaliex f’imħabtU jagħtina d-dinjità tal-parteċipazzjoni fl-attività glorjuża TeigħU. F’imħabbtU jagħtina l-opportunità li nipparteċipaw, għalkemm sekondarjament, f’xogħolU. Huwa rigal t’Alla li l-qaddisin jistgħu ġenwinament jinterċedu għalina.

Il-qaddisin fil-ġenna jistgħu jisimgħu it-talb tagħna għalkemm mhux b’widnejn fiżiċi,
għaliex dan m’għandhomx ġisem. Fi tlett postijiet fl-Evanġelu, Ġesù jgħidilna li fir-resurrezzjoni aħna nkunu bħal l-anġli w għalhekk ikollna l-Viżjoni Beatifika, jiġifieri nkunu nafu lil Alla, kif wkoll dak li jappartjeni lill-bniedem, b’mod sopranaturali u

mhux bis-sensi fiżiċi. L-anġli w il-qaddisin kollha igawdu l-Viżjoni Beatifika. Mhux biss li l-qaddissin jaraw lil Alla, imma wkoll iżommu relazzjoni ontoloġika ma’ ġisimhom – jiġifieri mhux biss il-ġisem huwa tal-qaddis partikulari, bħallikieku ktib jew libsa, imma il-ġisem hu l-qaddis. Għalkemm mhux il-qaddis fis-sħuħija tiegħu, imma xorta komponent. Ir-relazzjoni tal-qaddisin ma’ ġisimhom huwa wkoll eskatoloġiku għaliex huma qed jistennew li jingħaqdu ma’ ġisimhom fir-resurrezzjoni.
Għaliex nżuru r-relikwarji tal-qaddisin u s-santwarji tagħhom?
Meta wieħed jieqaf quddiem il-ġisem ta’ qaddis, ikun wieqaf quddiem parti ta’ xi ħadd li bħalissa qed igawdi il- Viżjoni Beatifika u li bħalissa relatat mal-ġisem tiegħu b’mod ontoloġiku t’identità u b’mod eskatoloġiku. Inkunu wieqfa quddiem xi ħaġa li nafu, fuq l-awtorità tal-Knisja, li se tkun il-ġenna għall-eternità. Meta nżuru l-fdalijiet ta’ xi qaddis biex nitolbu l-interċessjoni tal-qaddis fil-preżenza tal-ġisem tiegħu, inkunu qed nonoraw il-qaddis billi nagħrfu l-virtù erojku w il-glorja preżenti tiegħu, kif ukoll nkunu qed nersqu qrib il-qaddis. Li kieku ġisem il-qaddis m’għandu l-ebda konnessjoni ma’ ruħu, li nżuru l-ġisem ma jqarrabniex lejn il-qaddis. Imma minħabba ir-relazzjoni tar-ruħ u l-ġisem, kemm ontoloġiku kif ukoll eskatoloġiku, li nmorru qrib il-ġisem ifisser li nitqarbu mal-qaddis. Ir-ruħ kif ukoll il-ġisem mhumiex kompleti mingħajr xulxin, u jkunu kompleti biss meta jkunu ħaġa waħda. Għalhekk il-mewt ta’ persuna hija kuntrarju għan-natura umana kif maħluqa fil-pjan oriġinali t’Alla, għaliex ir-ruħ għandha tibqa’ l-animatur tal-ġisem. Il-Kattoliku jifhem l-implikazzjoni tad-Duttrina tar-resurrezzjoni.

It-talb tal-qaddisin huwa aktar effettiv minn tagħna għaliex huma fi stat perfett, filwaqt li anke l-akbar qaddis fuq din l-art jidneb venjalment. Għaldaqstant it-talb tal-qaddisin fil-ġenna huwa aktar effettiv mit-talb ta’ dawk li għadhom f’din id-dinja u għalhekk aħna  nirrikorru lejhom biex jidħlu għalina quddiem it-tron t’Alla.

Paċi u Ġid
Brigitte Attard ofs