Irridu nammettu, jew le, kulħadd qed ibati f’din il-ħajja, fejn il-faqar qed jiżdied (nħallu l-politika barra). Il-foqra qegħdin magħna dejjem, qalilna Kristu. U forsi mingħajr ma nintebħu, aħna wkoll ‘foqra’ f’ċerti aspetti. Interess lejn il-miżerja u t-tbatija tal-fqar kienet dejjem it-tema prinċipali ta’ Franġisku ta’ Assisi. Għalhekk għandu jkun punt ta’ referenza, l-aktar fi’ żmenijietna, għax huwa xempju tal-Ġustizzja Soċjali. Huwa kellu jitħabat u jiġġieled kontra l-problema li qed niffaċċjaw aħna fi’ żmienna: bl-effett tal-gwerer, faqar u korruzzjoni fl-ogħla istituzzjonijiet, li qed ikabbru d-distanza soċjali bejn il-miljunarju u l-foqra.
Franġisku ghażel li jgħix fil-faqar u għex ma’ l-aktar nies foqra u l-imwarbin fis-soċjeta. Ninnutaw li fil-missjoni tiegħu, fit-tagħlim u l-priedki tiegħu ‘qatt’ ma għamel xi ġabra, jew talab għall-flus, ukoll meta kien ikun mejjet bil-ġugħ. Il-messaġġ tiegħu, u ħajjtu kienu sempliċi: il-ħniżrija fl-ikel, il-lussu u l-flus dejjem jikkaġunaw tbatija; kemm għall-vittma u fl-aħħar għal min jagħmilhom. Problema oħra li kellu jħabbat wiċċu magħha Franġisku, kienet il-gwerer. Kemm kienu jgħidulu, ukoll ħbieb tal-qalb, li jkun miġnun li jipprova jmur u jwaqqaf il-‘kruċjati’. B’dana kollu xorta waħda mar waħdu u rnexxilu jimpressjona il- kapijiet tal-Misilmin. Mhux biss, iżda wassluh lura bil-gwidi minflok ma qabduh u waddbuh fil-ħabs. Meta l-iSpirtu t’Alla jkun miegħek, ħadd u xejn ma jista’ jfixklek … u tirnexxi f’kollox. Kellu bżonn kellna ‘l Franġisku daż-żmien li jġib ruħu ta’ miġnun, jew ta’ eroj, biex imur l-Afganistan ikellem lit-Talibani, u jwaqqaf il-ħruxija u l-miżerja.
Franġisku ma kienx iħossu mċekken li jiltaqa’ mal-kbarat tas-soċjeta. Meta mar Ruma u l-vatikan u ra kif kienet qed titmexxa l-Knisja ta’ Kristu baqa’ mistgħaġeb u minxuf. Pubblikament ikkritika il-kilba tal-poter, tal-ġid, tal-koruzzjoni u l-vojt tal-awtoritajiet. Tant hu hekk li Papa Innoċenz III ma setax jemmen dak li qed jisma’. Qatt, ħadd ma kellu l-kuraġġ ikellem ‘l Qdusija Tiegħu b’dal-mod, imbagħad jisma’ diskors bħal dan minn għand wieħed ċakkar. X’kuraġġ tgħid ‘l Papa li l-Knisja kienet kontra Kristu. Postu kien ġewwa l-ħabs, iżda l-Papa malajr ġie f’sensieh.
Franġisku kien idoqq fuq speċi ta’ kitarra (il-bidu tal-kitarra). Din kienet ikkundannatha minn ċerta awtoritajiet tal-Knisja. Kien idoqq u jkanta għanjiet tiegħu personali, u kien jinkoraġġixxi ‘l ħaddieħor idoqq miegħu … l-aktar il-Famuż innu ‘Ħija x-Xemx’. Għaliex fiha hemm sentimenti ta’ familja li rridu ngħixu lkoll bħall-aħwa. Il-viżżjoni ta’ Franġisku kienet, u għadha, li nistgħu ngħixu f’dinja aħjar, jekk naqsmu l-ġid kollu li pprovdielna Alla, bħall-aħwa, u naħsbu dejjem f’ħaddieħor.
Tony Mahoney ofs
0 Comments