Meta nkunu tfal, u allura niddependu kollox fuq il-ġenituri, nitrabbew nobdu u nisimgħu minnhom … għax huma jixtiqulna l-ġid, kull ġid. L-aħjar pjan huwa dejjem tagħhom. Il-ħasra hi li meta nikbru u nħarsu lura, nirrealizzaw għaliex kienu tawna it-tali parir, u forsi aħna ma tajniex kasu. Illum jiddispjaċina … iżda issa jkun tard wisq. Jekk l-omm u l-missier jaslu biex jagħtu ħajjithom għal uliedhom, biex jitwettaq il-pjan tagħhom, kemm aktar, u aktar il-pjan li jħejji għal kull wieħed minna l-Missier Etern.

Alla ħejja mill-eternita Pjan Divin għal kull wieħed u waħda minna. Jekk hawn xi ħadd li jħobbna u jgħożżna Huwa Alla l-Missier. Mill-eternita ilu jaf il-karattru, il-ġibdiet, il-virtujiet  u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja ta’ kull wieħed, li kull bniedem għandu. Allura, Alla, ħejja Pjan biex kull wieħed jimxi fuqu. Jien nista’ nagħmel pjanta biex nibni dar, iżda jekk jien ma studjajtx la għall-perit, jew arkitett irrid niddependi fuq ħaddieħor, u ma jiddispjaċinix. Aħseb u ara għall-ħajja. Għandna xorti li Alla qed jaħseb għalina, għax HU biss, u ħadd ieħor ma jista’ jagħmel Pjan perfett bħalu. Jekk nimxu fuq dal-Pjan, ma jiddispjaċiniex.

Il-Venerabbli Arċisqof Fulton Sheen ġab eżempju perfett biex jispjega dan. Huwa qal, li Alla  (b‘daqxejn ta’ immaġinazzjoni) meta joħloq tarbija, qabel ma titwieled jeħdilha ritratt, fotokopja ta’ kif ser tkun ħajjet din it-tarbija. U meta tmut din il-persuna Alla jqabbel il-ħajja ta’ din il-persuna mal-fotokopja li kien ħa qabel ma twieldet. Jekk jaqblu perfettament, ikun sinjal tajjeb, anzi eċċellenti … jekk le, sinjal li ma mxietx mal-Pjan t’Alla. Marija, Omm Alla, jgħid Sheen, il-fotokopja u r-ritratt tagħha, meta mietet, kienu identiċi.

Li timxi fuq il-Pjan t’Alla ma tfissirx li ħajjtek se tkun ‘ward u żahar’. Lanqas ta’ Marija ma kienet hekk. Dan il-ħsieb qalitu Marija lil Bernadetta, meta qaltilha: ‘Ma nistax inwiegħdek kuntentizza fil-ħajja, iżda għad tkun il-ġenna.’ Li tkun kuntent ma tfissirx li tkun sinjur/a, jew li jkollok ħafna propjeta, jew li jkollok ikel bix-xaba’, jew li kollox jiġik żewġ fil-ħajja. Dawn huma affarijiet esterni. Il-ferħ huwa ntern. Jista’ jkollok elf problema u xorta waħda tkun kuntent, għax tkun paċi m’Alla. Llum tinzerta l-festa ta’ S.Ġwann Marija Vianney. Kemm kellu problemi fil-ħajja! Nibdew mill-Isqof ta’ dak iż-żmien, li wasal biex għajjar li Ġwanni ‘ħmar’, meta mar jitolbu biex isir Saċerdot. Meta wieħed jintrabat mar-rieda t’Alla, dan se jkollu dejjem l-għajnuna tal-iSpirtu s-Santu. L-iSpirtu waqaf ma’ Marija, u wkoll ma Ġwann Vianney. Dak il-ħin li għajjru ‘ħmar,’ ġietu f’moħħu li jgħidlu hekk: ‘U jekk Sansun qatel il-Filistej b’xedaq ta’ ħmar, ara x’jista jagħmel Alla bija, ħmar sħiħ.’ Kien jiekol biss ‘patata’ li kien jiġbor mill-għalqa. Ix-xitan kien jgħajjru ‘il-wikkiel tal-patat’. Kellu jimxi mili twal fix-xita, fil-kesħa u s-silġ. B’dana kollu Ġwanni Vianney kien dejjem kuntent u ferħan. Taraw is-santi tiegħu iġibuh dejjem daħqan u kuntent. Is-sigriet kien wieħed: kien jaċċetta kollox minn idejn Alla u jittama fiH. LE, mhux faċli, iżda dejjem hemm l-iSpirtu lest li jieħu over u jmexxik hu, bħalma għamel ‘l Marija.

Dak li ppjana Alla għandu jseħħ, Hu stess jippermetti dan. Din hija l-istorja tal-Umanita għalhekk ngħidu li Alla Huwa l-awtur tal-ħajja. Kristu fassal għad-dixxipli Tiegħu ħajja li kienet konformi, taqbel mar-Rieda Mqaddsa Tiegħu. U fl-istess waqt urihom li ma kenitx dejjem faċli. Dan narawh fir-rakkont  ta’ Kristu fil-Ġnien ta’ Ġetsemani: “Missier, jekk hu possibbli , warrab minni dal-kalċi, iżda tkun magħmulha r-Rieda Tiegħek.” Is-setgħa t’Alla fi Kristu, imbagħad permezz tal-iSpirtu s-Santu, fil-Knisja, naraw ir-Rieda, il-Pjan t’Alla għad-dinja.  Li tkun ħaġa waħda ma’ Kristu tfisser  li tagħmel ir-Rieda t’Alla. U kif jgħid Pawlu lir-Rumani  li aħna ma nistgħux neħduha kontra r-Rieda t’Alla. Nagħmlu kuraġġ, hemm l-iSpirtu t’Alla  li jidħol fin-nofs skond ir-Rieda t’Alla. Hekk qal Pawlu lil Kolossin, li hu qed jitlob ‘l Alla għalihom biex jimtlew bl-għarfien tar-Rieda t’Alla. U lil-Lhud qallhom, bħalma Alla kellu s-setgħa jqajjem mill-mewt lil Mulej Ġesu, lilkom jagħmilkom sħaħ biex tagħmlu l-ġid u r-Rieda Mqaddsa Tiegħu.

Tony ofs