962857-400xNone

NEWSBOOK
“Tinsewx titolbu għalija” Minn Charmaine Attard – 25/07/16 12:31 PM

Il-Papa Franġisku fakkar lill-pellegrini fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, biex jitolbu għalih, hekk kif jumejn oħra se jżur il-Polonja għall-31 edizzjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

Waqt l-Anġelus tal-Ħadd, il-Papa Franġisku qal kif bosta żgħażagħ minn kull naħa tad-dinja, qed iterrqu lejn Krakovja.

Stqarr li hu se jmur nhar l-Erbgħa li ġej biex jiltaqa’ ma’ dawn iż-żgħażagħ u jiċċelebra magħhom u għalihom, il-Ġublew tal-Ħniena, bl-interċessjoni ta’ San Ġwanni Pawlu II.

Il-Papa sellem u radd ħajr lil dawk li qed jaħdmu biex jilqgħu lill-pellegrini żgħażagħ, flimkien ma’ għadd ta’ isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi.

Ftakar b’mod speċjali f’ħafna oħrajn tamparhom, li billi ma setgħux ikunu preżenti hemm, se jsegwu din il-laqgħa permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.