Dak li darba libes il-fardal biex jaqdi, issa qiegħed mgħolli ’l fuq fl-ogħla smewwiet fejn jixraqlu tassew. Ġie fid-dinja u ċekken lilu nnifsu b’libset l-umiltà biex meta jasal il-waqt, dawk li jagħrfuh, jitgħollew miegħu fil-post li hu ħejjielhom. L-opra ta’ Ġesù, primarjament seħħet biex Alla l-Missier jingħata glorja bir-resurrezzjoni ta’ Ibnu. Għax tabilħaqq għandna għalfejn nigglorifikaw ’l Alla b’tifħirna meta nħarsu lura u fina ma naraw xejn ħlief tbajja’ u ħmieġ li kien jibqa’ mwaħħal magħna sal-eternità li kieku mhux għax Kristu patta għal dnubna b’demmu. Minħabba dal-fatt, kull min hu mwieled minn Alla ma jsibha xejn bi tqila li jiftaħ fommu u jgħannilu glorja għax il-qawmien tiegħu qajjem lilna ukoll mill-kundanna tan-nar. Barra minn dawn l-ulied, nafu, li fl-aħħar mill-aħħar, kull ilsien għad jagħraf li Ġesù hu l-Mulej għax id-Dawl ma jistax jinħeba. Jalla minn issa nagħrfu naċċettaw fi qlubna lil Ġesù biex ma nkunux magħduda ma’ dawk il-boloh li jaraw qawwietu f’jum il-ħaqq imma ma jkollhomx ċans imorru lura jixegħlu l-musbieħ ta’ qalbhom għalih.
0 Comments