Ħuti f’San Franġisk,

Fi żmien il-Għid, li għadu kif intemm is-silta mill-qari tad-Dixxipli ta’ Għemmaws inqrat kemm-il darba minnħabba l-importanza tagħha meta l-mixja fit-triq lejn Għemmaws saret ftit ta’ ħin wara li Ġesu qam mill-mewt. Mela għaliex id-dixxipli ta’ Għemmaws kellhom ikunu mnikkta f’dik l-għodwa tant ferrieħa. Għaliex meta fit-tielet jum ma raw xejn speċjali minn dak li stennew huma mill-Mulej, tilfu l-fidi u t-tama, issuppervjaw u dak in-nhar stess telqu minn Ġerusalem lura lejn pajjiżhom.

Ġesu tħassarhom u “resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom imma f’għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħarfuh.” (Lq. 24, 15-16). Hawn spjegawlu dak li għadda minnu Ġesu’, u li flok feda lil Israel kif ippretendew li kellu jiġri, ġie maqtul mal-għuda tas-salib. “Issa wkoll kmieni dalgħodu xi wħud minn nisa ħasduna għax marru ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx u l-anġli qalulhom li hu ħaj.” (Lq.24, 21-23) Qalilhom Ġesu’: Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti (Lq 24. 25-26). Hawn Ġesu beda jfissrilhom x’intqal minn Mose’ u l-profeti kollha, kull ma’ kien hemm fl-iskrittura fuqu.

Kleofa u sieħbu ippretendew li l-Mulej jifdi lil Iżrael minn idejn ir-Rumani meta l-Mulej bil-passjoni, l-mewt u l-qawmien tiegħu kien għadu kif feda lil bniedem minn dnubietu. Aħna mhux daqshom boloh meta ġieli jidħlilna dubju minn dak li hemm u naqraw fil-kotba mqaddsa u biex nemmnu nitolbu xi sinjal mingħand il-Mulej. Aħna bħal dawn id-dixxipli ma nindunawx x’tagħna l-Mulej u nagħmlu n-nervi għax ma tahniex dak li riedna meta Hu jkun ġa tagħna dak li għandna bżonn.

Ġesu’ għamel tabirruħu li kien ser jibqa’ sejjer iżda huma qalulu, “ibqa’ magħna” (Lq. 24, 28-29). Qalulu hekk, mhux għax għarfu li kien il-Mulej iżda mill-imħabba li kellhom lejn il-proxxmu u peress li l-jum kien wasal biex jintemm. Il-Mulej ukoll magħna ġieli jagħmel tabirruħu li ser jinqata’ minn magħna. Dan jagħmlu biex aħna nkunu indipendenti u liberi biex nieħdu d-deciżjonijiet tagħna. Dak ikun il-waqt li aħna nistidnuh u ngħidulu, “Ġesu ibqa’ magħna”.
San Luqa jissokta jgħidilna, “U waqt li kien fuq il-mejda magħhom qabad il-ħobż qal il-barka u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh.” (Lq. 24, 30-31). Kif persuna tista’ tagħraf lil Ġesu’ jekk ma taċċettax l-istedina tiegħu għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa biex tkun parti mill-Qsim tal-Ewkaristija u timtela bil-Paċi u bil-Fidi. Għalkemm iż-żewġ dixxipli m’għarfuhx waqt li kienu mixjin vicin tiegħu, xorta ndunaw u ħassew “kemm qalbhom kienet imkebbsa ġewwa fihom huma u jitkellmu fit-triq” (Lq 24,32) .

Il-Mulej huwa d-dawl u meta nibqgħu miegħu inkunu qed nimxu fid-dawl, fis-sewwa u fil-paċi. Iżda meta għal xi raġuni ninqatgħu minn miegħu nidħlu fil-kruha u fil-ħażen tad-dlam. Id-Dixxipli dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalem fejn kien hemm sħabhom u dawn qalulhom, “ Il-Mulej qam tassew!”.

Meta tgħaddi minn fuqna din il-pandemija qerrieda tal-Covid-19 li laqtitna u nvadiet lid-dinja, għandna mmorru lura mhux għal dik il-ħajja materjalista li konna fiha iżda bħalma Ġesu qam tassew mill-kruha tal-mewt b’ġisem ġdid Mistiku u Glorjuż hekk aħna għandna nagħżlu li mmorru lura għal ħajja spiritwali u qaddisa vicin tal-Mulej u l-Verġni Maria.

Il-Paci magħkom.
Joe Gatt O.F.S.