Għalkemm il-Fraternita ma tiltaqax fix-xhur ta’ Lulju, Awissu u Settembru, iżda tul dawn ix-xhur tas-sajf qed isiru tħejjijiet biex hekk Alla jrid, nieħdu sehem fil-Festa ta’ San Franġisk Missierna.

Near it-Tnejn 2 ta’ Ottubru se ssir il-Vestizzjoni ta’ żewġ Aħwa ġodda; Josephine Ellul u Ġemma Vassallo. Il-Vestizzjoni hija l-ewwel pass meta tingħaqad fl-Ordni. Dawn iż-żewġ Aħwa ilhom jattendu għal-Laqgħat ta’ formazzjoni tul dawn l-aħħar disa’ xhur, darba fil-ġimgħa, kważi 40 Laqgħa.

Dakinhar stess, waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa għall-okkażżjoni, se jipprofessaw fl-Ordnii Sekulari, ħames Aħwa, wara li attendew għal-laqgħat kollha ta’ preparament. Dawn huma (b’ordni alfabetiku): Attard Cecilia, Borg Lilian, Falzon Rose, Mizzi Gina u Spiteri Tessie.

Bħala parti mir-Rit tal-Professjoni se jsiru ċerti mistoqsijiet lil dawn il-kandidati. Fil-bidu jiddikjaraw li jridu jagħmlu impenn permanenti tal-ħajja mfassla fuq l-Evanġelju. Dan jitwettaq billi jimxu fuq l-eżempju u l-kliem ta’San Franġisk t’Assisi u jwegħdu li tul ħajjithom ikunu xhieda tas-Saltna t’Alla. Dan isir billi, bi kliemhom u b’għemilhom, jippruvaw jibnu dinja aktar ‘fraterna’ fuq l-Evanġelju.

Wara ssir il-Preżentazzjoni tas-Simboli lill-Professi ġodda. Dawn is-Simboli huma kopja tal-Evanġelju, it-TAU, xemgħa mixgħula.

-1
-2
-2

L-Evanġelju biex jiftakru li tul ħajjithom iridu jgħaddu mill-Evanġelju għall-ħajja, u mill-ħajja għall-Evanġelju.

Jingħataw it-TAU, is-salib ta’ San Franġisk, biex kull meta jintlibes ikunu qed jiddikjaraw li huma persuni ta’ penitenza u twemmin.

Tingħata wkoll xemgħa mixgħula bħala simbolu li dawn il-Professi ġodda se jkunu d-dawl ta’ Kristu fid-dinja, u li d-dawl tagħhom irid jiddi quddiem kulħadd biex tingħata glorja ‘l Alla.

Wara jitkompla s-Sagrifiċċju tal-Ewkaristija.

…………………………………….

Irtir ta’ nofs ta’ nhar

Nhar it-Tlieta, 24 t’Ottubru se jsir Irtir ta’ nofs ta’nhar għall-Aħwa kollha tal-Ordni Franġiskan Sekular u l-familjari tagħhom, Iżda jista jieħu sehem kulħadd. Dan l-Irtir se jitmexxa mill-E.T. Arċisqof Emeritus, Mons. Pawlu Cremona OP. Jibda biċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija fid-9.30a.m. Ikun hemm break fl-10.30a.m. Fil-11.15a.m. ikun konferenza minn Mons. Pawlu Cremona.

L-Irtir se jinżamm fis-sede tal-Ordni Franġiskan Sekular, Sala S. Francis, ħdejn l-Uffiċċju Parrokkjali. Kulħadd huwa mistieden li jieħu sehem.

Tony Mahoney ofs
MINISTRU