Għeżież ħuti f’San Franġisk,
Ivan, tfajjel waħdieni, bin biljunarju imrobbi ma’ ġenituri divorzjati, u allura jqatta’ ġimgħa ma’ ommu u ġimgħa ma’ missieru, kien jgħix ħajja lussuża u imfissda. Il-ġenituri jimpikaw bejniethom minn min ifissed fih l-aktar.

Darba il-missier ħass li Ivan qatt ma wera apprezzament ta’ kull ma għandu u qatt ma semgħu għid grazzi ta’ kull ma jgħatuh. Ħass li Ivan kellu japprezza il-ħajja komda li kien jgħix. Ġietu f’moħħu li jibagħtu ġimgħa joqgħod mal-familja fqira u kbira ta’ Peter, il-purtinar li kien impjegat magħhom, biex hemm, f’dak il-faqar jinduna kemm hu iffurtunat li hu bin is-sinjur nieqes minn xejn.

Ivan mar kif ried missieu, u malli wasal għand il-purtinar ra dwejra żgħira, u barra l-bieb jistennewh biex jilqawh kien hemm Peter il-purtinar, il-mara tiegħu u sitt itfal l-iżgħar kellu sitt snin u l-ikbar kien ta’ mparu, ħmistax-il sena.

Il-purtinar, li lil Ivan kien jafu minn ċkunitu, introducih mal-mara u din kienet pronta ħadnitu magħha u bisitu fuq ħaddejh. It-tfal meta raw hekk marru lkoll jaqbżu u jifirħu miegħu. Ivan ma riedx juri li kien qed jistħi u qabad jiċċajta maż-żgħir. Kif daħal ġewwa din id-dar induna biċ-ċokon u l-faqar tagħhom iżda stagħġeb kemm kienet sempliċi, nadifa u tilqak. Kien ħin l-ikel u għalhekk kulħadd dar mal-mejda imgedsin, barra l-omm. Ivan ħaseb li ħadilha posta u meta staqsa lill-purtinar dan wieġbu li l-omm tiekol wara li tkun qassmet l-ikel u serviethom. Ivan kien nesa fejn kien qiegħed u stenna lis-sefturi jiġu jservuhom. Induna li l-mejda ma kienitx armata b’ħafna pożati iżda kellhom biss imarfa u furketta, skutella għas-soppa, platt u bott biex jixorbu l-ilma minnhu.

Immaġinaw kif ħassu Ivan. Filli ġo villa lussuża imdawwar bil-butler u bis-servjenti u issa f’dan il-faqar kollha. Din kienet it-tieni ħasda tiegħu. L-ewwel ħasda kienet meta l-omm ħadnitu magħha. Qatt ma ħass affezzjoni sabieħa bħal dik minn għand ommu.

Il-ġimgħa għaddiet u missieru mar għal Ivan biex jieħdu lura d-dar. Waqt il-vjaġġ lura lejn id-dar Ivan ma qalx kelma u l-vjaġġ twil lura lejn il-villa għamluh fis-skiet. Il-missier ma kissirx dak is-skiet iżda inkwieta. Ħaseb li Ivan tant ħadha bi kbira li missieru bagħtu dik il-gimgħa hemm li affetwatu ħażin.
Meta waslu d-dar u daħlu fis-sala Ivan qal lil-missieru, “Pa, d-dar ta’ Peter toqgħod f’nofs din is-sala, imma f’din il-ġimgħa ngħix f’din id-dar hekk fqira, fiha sibt mħabba, serenita u ferħ aktar milli għandna aħna f’dan il-palazz. Hemm skoprejt l-imħabba ta’ omm u rajt ir-rispett ta’missier u b’dawk it-tfal kollha sirt naf x’inhi għożża tal-familja. Fhimt x’inhi d-dixxiplina meta rajt li biex tgħix kuntent m’hemmx bżonn ta’ ħela, la ta’ ikel, la ta’ ħwejjeġ tad-ditta u lanqas fejn jidħol il-flus.
L-Omm ma tagħmilx irtokk u ma tmurx tagħmel xagħarha biex tidher sabiħa, iżda qatt ma rajt mara sabieħa fis-simpliċita kollu tagħha. Il-familja hija magħquda. It-tfal mill-kbir saż-żgħir, jgħatu s-sehem tagħhom, kulħadd jaf x’għandu jagħmel mingħajr ma ħadd jqabbadhom.
“Pa, issa sirt naf mnejn jiġi l-bajd u l-ħalib, kif isir il-ħobż, l-butir u l-ġobon. “Kont nisma’ l-għasafar jirringrazzjaw lil Alla filgħaxija meta jirritornaw f’posthom fis-siġar. Stajt nilgħab mal-klieb u l-qtates ta’ veru li għandhom u mhux taċ-ċarruta. Qatt f’ħajti ma rajt tjur u annimali bħal ma rajt jgħixu fil-kampanja madwar ir-razzet. Meta rajt il-baqra u l-ħmara ftakart fil-maxtura tal-bambin. Pa kemm stagħġibt meta rajt il-papri li kif faqsu marru jiġru fil-vaska bl-ilma. Pa dawn min jgħallimhom? “

“Biex inlaħħqu nagħmlu xogħolna konna inqumu qabel ma’ titla’ x-xemx u b’hekk esperjenzajt is-sbuħija ta’ tlugħ ix-xemx u għaraft għaliex l-artisti jimmeraviljaw ruħhom waqt li jpittru nżul ix-xemx b’dik il-ħmura kollha tagħha.” “Indunajt wkoll li fis-smewwiet, veru hemm il-kwiekeb, u fid-dalma tal-lejl kont kuljum nitpaxxa inħares lejhom … u t-tfal ta’ Peter kienu jispjegawli liema huma l-istillel importanti. Xtaqt li l-ġimgħa ma’ dik il-familja ma tgħaddix.”

“Pa indunajt kemm aħna foqra ħdejhom u kemm huma iffurtunati li jgħixu f’dak l-ambjent naturali. Ambjent fejn wieħed jista’ jara u jifhem l-kobor ta’ Alla, dak li ħaloq kollox, ‘il bogħod mid-dinja materjali mimlija ġenn li ħoloq il-bniedem.”

Ħuti Franġiskani, missierna Franġisku wriena l-għerf qaddis tiegħu meta warrab il-ħajja sinjura tiegħu u għażel il-ħajja semplici nieqsa mir-rikkezzi, izda mimlija bil-ġid ta’ l-ambjent naturali ta’ madwaru. Mhux ta’ b’xejn Frangisku kien jirreferi għax-xemx bħala oħtu u għal-qamar bħala ħuh … u s-sbuħija tal-annimali u tal-għasafar waslitu biex lil dawn jara fihom il-parti l-oħra ta’ familtu li ta’ min jitkellem magħhom.

Għalhekk li fis-sitt jum, meta l-Mulej Alla ħares lejn id-dinja li kien ħoloq b’dak kollu ta’ madwarha “… ra li kollox kien tajjeb ħafna.”

Joe Gatt O.F.S.