Minn Josianne Camilleri – 17/05/16

Sr Carmen Sammut hija s-soru Maltija li ftit jiem ilu wasslet messaġġ lill-Papa waqt laqgħa li matulha saret il-mistoqsija dwar id-djakni nisa.

Ma’ Newsbook.com.mt, Sr Carmen qalet li qatt ma stenniet ir-reazzjoni tal-midja internazzjonali għax “din kienet mistoqsija sempliċi, li diġà saret qabel.”

Sr Carmen tispjega li bil-mistoqsija lill-Papa, in-nisa bl-ebda mod ma jixtiequ promozzjoni għal grad ogħla, imma jixtiequ biss li jkunu ta’ servizz akbar għan-nies, l-aktar meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ saċerdoti f’ċertu kuntesti.

Il-Papa jrid in-nisa involuti iktar fid-deċiżjonijiet tal-Knisja

Matul il-laqgħa ta’ siegħa u nofs mal-Papa, is-Superjuri Ġenerali staqsew kif il-Papa jara n-nisa jkunu involuti iktar fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-Knisja.

Il-Papa spjega kif mill-esperjenza tiegħu fi Buenos Aires, japprezza aktar kif in-nisa iħarsu b’mod differenti mill-irġiel lejn l-istess kwistjoni. Qal li n-nisa għandhom ikunu parti mill-Assemblea tal-Kongregazzjoni għall-Ħajja Konsagrata, għaliex għandhom rwol kumplimentari x’joffru għal dak tal-irġiel.

Mal-Papa spjegaw kif is-sorijiet qed ikunu ta’ servizz għan-nies fil-bżonn u ssuġġerew li l-Papa jista’ jikkunsidra jaħtar grupp li jistudja aktar fil-fond il-possibiltà tad-djakni nisa, liema proposta ġiet milqugħa mill-Papa.

“Emozzjonata għall-mod kif il-Papa laqagħni b’idejh miftuħa”

Sr Carmen tispjega li kienet sorpriża u emozzjonata ħafna għall-mod kif il-Papa stenniha, laqagħha b’idejh miftuħa u għannaqha b’ferħ meta telgħet ħdejh biex taqra d-diskors fil-bidu tal-laqgħa.

Is-soru Maltija introduċiet it-870 Superjura Ġenerali li ħadu sehem għal laqgħa ta’ ġimgħa f’Ruma. Bħala Superjura Ġenerali tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Missjunarji tal-Afrika, Sr Carmen spjegat lill-Papa dwar il-ħidma diffiċli li qed jagħmlu s-sorijiet, fost l-oħra kontra t-traffikar tal-persuni f’South Sudan u mal-immigranti fi Sqallija.