INNU LI JIDĦOLLOK F’QALBEK

Innu li, temmen jew ma temminx, jidħollok f’qalbek, imisshielek u jimlihielek bit-tama, bil-paċi u bil-ferħ ġewwieni. Timtela’ bil-ferħ ta’ Kristu, bil-ferħ tat-tfal ċkejknin. Dan huwa l-Innu li kulħadd ikantah, ‘Fil-ħlewwa ta’ Mejju’. Dan huwa kapolavur  tal-poeta nazzjonali, Dun Karm Psaila. Bil-mużika tas-surmast Giuseppe Caruana, tħoss dan l-Innu jinfiltralek qalbek. U tieħu gost tkantah.

Qegħdin fix-xahar ta’ Mejju, fil-qalba tar-rebbiegħa, dan l-Innu jfakkarna fil-ħlewwa u s-sbuħija tan-natura. Kif jgħidilna Salm 19: ‘Is-smewwiet ixandru l-glorja Tiegħu, għemil idejh iħabbar il-firxa tas-sema.’ U forsi frott ta’ għemil idejh ma tinkludix ‘l Marija, li qegħdha f’lemintu mżejjna b’deheb ta’ Ofir. U x’inhu dan id-deheb li hi mżejna bih Marija? Dawn huma l-għaxar virtujiet li nsemmu fil-Kurunella lill-Verġni Mbierka Marija. Niftakru x’qalet quddiem Eliżabetta:                  Għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem Tiegħu. Il-ħniena Tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu (Lq 1:49-50).                         

Hawn hu d-deheb is-Sultana li bih Alla l-Missier, permezz ta’ Ibnu Ġesù, fl-Ispirtu s-Santu, żejjienha bih: Is-safa tagħha (Mt 1:18, 20; il-prudenza tagħha (Lq 2:19, 51); l-umiltà tagħha (Lq 1:48); il-fedeltà tagħha (Lq 1:45); it-talb tagħha (Lq 1:46-7); l-ubbidjenza tagħha (Lq 1:38); il-faqar tagħha (Lq 2:7); is-sabar tagħha (Ġw 19:25); il-ħniena tagħha (Lq 1:39, 56); u t-tbatija tagħha (Lq 2:35).  

Omm tagħna Marija! Kemm toħroġ qawwija mill-qalb din il-frażi f’dan l-innu sabiħ! Marija hi Ommok! Ommi! Imma l-għaliex Marija hi Ommna? Kien Ġesù stess li ħabbrilna li Marija hi Ommna meta, fil-vanġelu skont San Ġwann, qal lil Ġwanni minn fuq is-Salib: Hawn hi ommok (Ġw 19:27). Ġwanni, f’dak il-waqt, kien qed jirrappreżenta lil kull dixxiplu. Jiġifieri lil kull min jemmen li Ġesù hu l-Mulej u s-Salvatur tiegħu. Mela, f’dak il-waqt, Ġwanni qed jirrappreżenta lili u lilek! Għalhekk, meta Ġesù qed jistqarr lil Marija li hi Ommu (Omm Ġwanni), qed jinkludi wkoll lili u lilek! Fil-persuna ta’ Ġwanni qed jgħidilna: Hawn hi Ommkom!

Imma, l-għaliex aħna bnedmin, tad-demm u l-laħam, bis-sentimenti kollha tagħna, ma nistgħux nitfgħu taħt it-tapit inkella inwarrbu l-ferħ kbir tagħna li Marija hi Ommna! Kien għalhekk li, Dun Karm, wieħed minn ħutna l-Maltin u l-Għawdxin, b’tant għaqal fisser is-sentiment li juri l-qawwa tar-rejaltà daqshekk kbira li Marija hi Ommok u Ommi meta kiteb f’din il-poeżija-innu fil-ħlewwa ta’ Mejju.

 

Tony Mahoney ofs